Monday 24 October 2011

Imfakkar il-113-il anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Filarmonika Victory

Nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru 2011, is-Soċjeta’ Filarmonika Victory tax-Xagħra Għawdex fakkret b’solennita’ l-anniversarju mit-twaqqif legali tagħha fl-1898. Il-Banda Victory tniżżlet fl-istorja bħala l-ewwel Soċjeta’ mużikali mwaqqfa fl-irħula Għawdxin wara ż-żewġ baned imwaqqfa fil-Belt Victoria.

Kien eżattament nhar il-25 ta’ Ottubru 1898 li fil-Casa Pia Industriale fi Pjazza l-Vitorja iltaqgħu l-ewwel żgħażagħ li, immexxija mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Ġużepp Diacono u s-Surmast Malti Eduardo Farina, iffurmaw din l-Għaqda mużikali li għamlet unur lix-Xagħra tagħna. Minħabba diżgwid li nqala’ fil-Kumitat, din is-Soċjeta’ ġiet xolta fl-1906. Kien imbagħad fl-1934 li reġgħet twaqqfet il-Banda Victory li kienet iffurmata minn numru ta’ tfal u żgħażagħ Xagħrin li kienu jagħmlu parti mix-Xagħra Scouts Group. Minn dakinhar ‘l hawn, il-Banda Victory ma ħarsitx lura u baqgħet tagħti l-kontribut tagħha mhux biss fil-qasam mużikali iżda wkoll fil-qasam soċjali tar-raħal u ta’ Għawdex tagħna. Il-Kumitat tal-Banda Victory kien strumentali biex fl-1967 il-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina ġiet mgħollija għad-dinjita ta’ Bażilika Minuri u biex l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina ġiet inkurunata minn idejn l-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi fit-2 ta’ Settembru 1973. Nhar it-8 ta’ Awwissu 1976 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Każin monumentali tas-Soċjeta’ fi Triq Marija Bambina fil-preżenza tad-Direttur Spiritwali l-W.R. Mons. Mikelanġ Apap u l-Ministru l-Onorevoli Patrick Holland. Bejn id-19 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru 1994, il-Banda Victory għamlet mawra ġewwa Detroit, il-Kanada u b’hekk tniżżlet fl-istorja bħala l-ewwel banda Għawdxija li esegwiet marċi u programm mużikali fil-Kanada.

Fl-1999, is-Soċjeta’ Filarmonika Victory kellha sehem ewlieni fil-festi speċjali li saru fil-Parroċċa tax-Xagħra biex ifakkru l-Ġublew tal-Fidda mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina, liema festi kienu ġew posposti mis-sena 1998 minħabba elezzjoni ġenerali bikrija li saret dakinhar. Fl-okkażjoni ta’ dawn il-festi, twaqqaf il-Kor tas-Soċjeta’ li għadu jagħti s-servizz tiegħu sal-ġurnata tal-lum. Fis-sena 2002, il-Banda Victory għamlet ristrutturar kbir fis-sala ewlenija tal-Każin tagħha. Is-sala ewlenija ingħatat l-isem ‘Dun Alwiġ Camilleri’ għal wieħed mill-benefatturi kbar tagħha li għadda għall-ħajja ta’ dejjem f’Jum il-Milied tas-sena 2001. Fis-sena 2006, il-Banda Victory kellha sehem prinċipali fil-festi Ċinkwantenarji organizzati mill-Parroċċa tal-Katidral u s-Soċjeta’ Filarmonika Leone tal-Belt Victoria. Nhar id-29 ta’ April u t-3 ta’ Mejju 2006, il-Banda Victory flimkien mal-Banda Leone akkumpanjaw l-istatwa titulari ta’ Santa Marija waqt żewġ pellegrinaġġi ta’ talb li saru fix-Xagħra. B’hekk, il-Banda Victory tniżżlet fl-istorja bħala l-unika Banda (apparti l-Banda Leone) li akkumpanjat l-istatwa titulari ta’ Santa Marija meqjuma fil-Katidral ta’ Għawdex f’żewġ purċissjonijiet solenni fir-raħal tagħna. Riċentament, nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2011, il-Banda Victory akkwistat statwa mill-isbaħ ta’ Marija Bambina regalata mill-President Onorarju s-Sur Michael F. Cini. Din l-istatwa, propjeta’ tal-istess Soċjeta’, tinsab issebbaħ il-foyer tal-Każin tal-Banda.

Biex ifakkar dan l-anniversarju, din is-sena, il-Kumitat tal-Banda Victory iddeċieda li jorganizza Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fil-Knisja Bażilika ta’ Marija Bambina. Din il-Quddiesa saret nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru fis-7.00pm. Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Arċipriet Mons. Carmelo Refalo flimkien mal-Kan. Dun Ġiljan Refalo Rapa, Direttur Spiritwali, u l-W.R. Mons. Ewkaristiku Sultana, Arċipriet Emeritus u President Onorarju tas-Soċjeta’. Ħadet sehem il-Banda Victory immexxija mis-Surmast Mro. Joseph Galea LCM u l-Kor Nativitas tal-istess Soċjeta’.