Monday 26 December 2011

Il-Kor Nativitas fil-festi tal-Milied

Matul dawn il-jiem li fihom il-Knisja Universali tiċċelebra b’Solennita’ t-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, il-Kor Nativitas kien impenjat b’bosta servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Ta’ min jgħid li l-Kor Nativitas huwa l-kor residenti f’din il-Knisja u, għaldaqstant, huwa għandu l-inkarigu li janima l-Liturġija fil-festi u fis-Solennitajiet il-kbar tal-kalendarju liturġiku.

Bejn it-Tnejn 19 u l-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru, il-Kor anima l-Quddiesa tan-Novena tal-Milied. Il-ħsibijiet saru mill-W.R. Dun Joseph Mercieca mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (Victoria). L-omeliji li saru kienu bbażati fuq l-Antifoni maġġuri li l-Liturġija tal-Knisja tkanta waqt it-talba tal-Għasar fil-ferji privileġġjati tal-Avvent, jiġifieri bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru. Dawn jissejħu l-Antifoni ‘O’ peress li kollha kemm huma jibdew b’din il-vokali li turi l-għaġeb ta’ Alla fost il-bnedmin. Għal din l-okkażjoni, il-Kor introduċa repertorju ġdid ta’ Żmien l-Avvent li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-kongregazzjoni miġbura. Dawn kienu jinkludi l-innijiet ‘Iż-Żmien Imħabbar Qorob’, ‘Inħejju t-Triq’ u ‘Ejja Mulej la tiddawwarx!’

Nhar il-Ħadd 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, il-Kor Nativitas anima l-Liturġija Solenni tat-Twelid tal-Mulej Ġesu’. Fid-9.15am ingħata bidu għal servizz qasir ta’ kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied segwita minn Quddiesa Kantata li kienet preseduta mill-W.R. Patri George Attard OFM Konv, eks-Gwardjan tal-istess komunita’ Franġiskana. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor esegwixxa l-‘Missa Pastorale’ tas-Surmast Nazzareno Refalo flimkien ma’ diversi għanjiet ta’ Żmien il-Milied. F’dawn l-okkażjonijiet, il-Kor Nativitas kien immexxi mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard, li akkumpanja lill-Kor fuq l-orgni tal-Knisja.

L-impenji tal-Kor Nativitas għal dawn il-festi jkomplu nhar is-Sibt li ġej, 31 ta’ Diċembru, fis-6.30pm fil-Knisja ta’ San Franġisk. Fi tmiem din l-Ewkaristija, jitkanta t-‘Te Deum’ bħala innu ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-grazzji li xerred fuqna matul din is-sena 2011 li qed tintemm. Aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin.

Nawgurawlkom il-kumplament tal-festi t-tajba!

Saturday 17 December 2011

Impenji tal-Kor Nativitas fi zmien il-Milied

Matul dawn il-festi, il-Kor ġie mistieden biex għal sena oħra jagħti numru ta’ servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria:

Mit-Tnejn 19 sal-Erbgħa 21 ta’ Diċembru: Novena tal-Milied.

Il-Kor ser janima l-Quddiesa bil-prietka tan-Novena tal-Milied fis-6.30pm.

Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru: L-aħħar jum tan-Novena tal-Milied.

6.30pm: Quddiesa tal-aħħar jum tan-novena.


Il-Ħadd 25 ta’ Diċembru: Jum il-Milied.

9.15am: Kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.

Is-Sibt 31 ta’ Diċembru: L-Aħħar Jum tas-Sena Ċivili.

6.30pm: Quddiesa Kantata li tagħlaq bil-Kant Solenni tat-Te Deum bħala innu ta’ radd il-ħajr lil Alla.

Il-Ħadd 1 ta’ Jannar: Solennita’ ta’ Marija Omm Alla u Jum il-Paċi.

9.15am: Kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.

Il-Gimgha 6 ta' Jannar:

Mis-7.30pm ‘il quddiem: Attivita’ soċjali tal-Milied għall-membri kollha tal-Kor Nativitas.

Il-Ħadd 8 ta’ Jannar: Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej.

9.30am: Quddiesa kantata li matulha jitħabbru l-festi li jimxu mal-Għid għas-sena liturġika 2012.

Il-Kor Nativitas jixtieq jawgura lil kulħadd l-isbaħ xewqat

għal Milied hieni u Sena ġdida mimlija b’kull riżq u hena!

Thursday 15 December 2011

Il-Kor Nativitas b’servizz ieħor fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu

Nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru 2011, fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, ġiet iċċelebrata s-Solennita’ tat-80 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-istess Santwarju. Dan il-maqdes prinċipali tal-gżejjer tagħna ġie ddedikat għall-qima ta’ Alla fit-13 ta’ Diċembru 1931 mill-Isqof Mons. Mikiel Gonzi.

Dan l-anniversarju ġie mfakkar permezz ta’ Quddiesa Konċelebrata li ġiet immexxija mill-W.R. Kan. Dun Eddie Vella flimkien mal-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju. Il-Kor Nativitas anima din iċ-ċelebrazzjoni. Huwa kien akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur mużikali, Ivan Attard.

Tuesday 13 December 2011

Jitfakkar Jum il-Persuni b'Diżabilita' f'Għawdex

Nhar il-Ħadd 4 ta' Diċembru 2011, fid-Djoċesi ta' Għawdex, ġie imfakkar il-Jum Internazzjoni ddedikat lill-persuni bi bżonnijiet speċjali. Din il-kommemorazzjoni saret permezz ta' Quddiesa Konċelebrata li ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu fil-11.15am. Għal sena oħra, l-amministrazzjoni ta' Dar Arka għoġobha tistieden lill-Kor Nativitas sabiex janima l-kant liturġiku waqt din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Konċelebrazzjoni tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' Mons. Emmanuel Curmi, Direttur tal-Fondazzjoni Arka, il-W.R. Kan. Dun Michael Galea, Assistent Direttur tal-istess Fondazzjoni u l-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu. Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm numru kbir ta' persuni b'diżabilita' Għawdxin li fil-maġġor parti tagħhom jagħmlu użu mis-servizzi li toffri Dar Arka f'Għajnsielem. Fl-istess ġurnata, tfakkar il-ħdax-il anniversarju mill-ftuħ uffiċjali ta' din id-dar li kienet inawgurata fit-3 ta' Diċembru, 2000.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor Nativitas kanta diversi innijiet liturġiċi relatati ma' Żmien l-Avvent flimkien mal-Missa De Angelis alternata mal-poplu. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tas-Santwarju mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard.

Friday 2 December 2011

Il-Kor Nativitas jieħu sehem fin-Novena tal-Kunċizzjoni

Bħas-snin l-imgħoddija, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria sabiex janima l-ewwel tlett ijiem tan-Novena bi tħejjija għas-Solennita’ tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija li hija l-festa prinċipali tal-Knisja ta’ San Franġisk. L-ewwel tliet ijiem tan-Novena saru mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Novembru. Il-Quddiesa u l-ħsibijiet tan-Novena dwar l-Ispirtu Franġiskan u l-Immakulata saru minn Patri Arthur Calleja OFM Konv.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor Nativitas ippreżenta kant ġdid li ntlaqa’ tajjeb mill-kongregazzjoni numeruża li nġabret sabiex tisma’ l-ħsibijiet dwar l-Immakulata. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Knisja mill-organista Ivan Attard, id-Direttur mużikali tal-istess Kor.

L-impenji tal-Kor Nativitas f’dan iż-żmien ta’ festi jkomplu billi nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Diċembru, il-Kor ser janima Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju Nazzjonali fl-okkażjoni tal-ħdax-il annivesarju mit-twaqqif ta’ Dar Arka. L-Ewkaristija tibda fil-11.15am.