Monday 30 April 2012

Il-Kor Nativitas fil-festa ta’ San Ġużepp fix-Xagħra


Il-Kor Nativitas għadu kemm ġie mistieden sabiex janima l-Liturġija fit-Tridu Solenni tal-Festa Sekondarja ta’ San Ġużepp fil-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra bejn l-Erbgħa 2 u l-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012.

Din is-sena, l-omelija tat-Tridu dwar San Ġużepp ser isiru mill-W.R. Patri Ugolin Xerri OFM Konv. Il-Quddiesa Konċelebrata tat-Tridu tibda fis-7.00pm u tkun imxandra b’mod dirett fuq Radju Bambina (98.3 FM).

Il-Kor Nativitas jieħu din l-okkażjoni biex jawgura l-festa t-tajba lill-Ġużeppini Xagħrin kollha!

Monday 9 April 2012

Christus Resurrexit sicut dixit... Alleluia! Alleluia!

Il-kant sublimi tal-Alleluia flimkien mad-daqq ferrieħi tal-qniepen tal-Knejjes tagħna sellmu lill-għodwa sabiħa tal-Ħadd 8 ta’ April 2012, Jum l-Għid il-Kbir, hekk kif il-Knisja Universali ċċelebrat b’Solennita’ qaddisa l-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet – il-misteru li huwa l-pedament u ċ-ċentru tal-Fidi Nisranija.

Għall-ħames darba f’temp ta’ ġimgħa, il-membri tal-Kor Nativitas animaw il-Liturġija fil-Knisja ta’ San Franġisk waqt Quddiesa Konċelebrata tal-Għid il-Kbir li kienet immexxija mill-W.R. Patri Eġidju Mizzi OFM Konv u li bdiet fid-9.30am. Għal din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet sagri relatati ma’ dan iż-Żmien Qaddis li jfakkar ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub. Permezz ta’ dan is-servizz, il-Kor temm l-impenji tiegħu marbuta mal-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa 2012 u issa jkompli jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu lejn aktar servizzi li jagħmlu unur lilu u lis-Soċjeta’ Filarmonika Victory li lilha l-Kor jirrapreżenta.

Matul dawn il-funzjonijiet kollha, il-Kor Nativitas kien immexxi u akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur tiegħu, l-organista Ivan Attard. Inħeġġukom tibqgħu aġġornati bis-servizzi li fihom ser jipparteċipa l-Kor fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin permezz ta’ dan is-sit elettroniku.

Il-Kor Nativitas fil-Vġili Solenni tal-Għid il-Kbir

Nhar is-Sibt 7 ta’ April 2012, Sibt il-Għid, il-Kor Nativitas ħa sehem fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet li, skont l-Isqof għaref Santu Wistin, hija l-‘Omm tal-Vġejjel kollha’. Infatti, il-vġili tal-Għid il-Kbir hija ikkunsidrata bħala l-aktar ċelebrazzjoni importanti li għandha l-Knisja Kattolika fil-kalendarju tal-festi liturġiċi tagħha.

Il-Vġili tal-Għid bdiet fit-8.00pm bit-tberik tan-nar barra l-bibien tal-Knisja u l-mixegħla tal-Blandun li huwa simbolu ta’ Kristu Rxoxt. Mad-dħul fil-Knisja, Patri Eġidju Mizzi OFM Konv. kanta t-Tħabbira Solenni tal-Għid li kienet segwita mill-Qari ta’ seba’ lezzjonijiet meħuda mit-Testment il-Qadim u l-Kant tal-Glorja li matulu sar id-daqq tal-qniepen. Il-qniepen kienu ilhom siekta mill-Glorja tal-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Il-Quddiesa Solenni tal-Lejl Qaddis tal-Għid kompliet bil-Liturġija tal-Magħmudija, it-tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija, it-traxxix tal-ilma imbierek fuq il-poplu u l-Liturġija tal-Ewkaristija.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet fosthom ir-ritornelli tas-Salmi Responsorjali tal-Qari tal-Quddiesa, ir-responsorju ‘Faħħru għejun il-Mulej’, l-antifona 'Rajt l-Ilma ħiereġ mit-Tempju', il-'Gloria In Excelsis Deo' ta' T. Lecot u l-'Qaddis' ta' M. Palmitessa. Flimkien mal-Kor ħadet sehem ukoll is-Sopran Rosabelle Pavia li interpretat l-innijiet ‘Kristu Qam mill-Mewt’ (Offertorju) u ‘Ħa Nersqu LejH’ (Tqarbin) bħala solista. Bħala innu tal-għeluq, sar 'Jesus Christ You Are My Life' alternat bejn il-Kor u s-solista. Fi tmiem il-Quddiesa, il-koristi kienu mistiedna mill-Komunita’ Franġiskana għal agape tal-okkażjoni.

F’isem l-amministrazzjoni u d-direzzjoni tal-Kor Nativitas, nixtiequ nawguraw GĦID QADDIS lil kulħadd!

Saturday 7 April 2012

Jum il-Mewt Glorjuża tal-Mulej

Iċ-ċelebrazzjonijiet solenni marbuta mat-Tridu Mqaddes tal-Għid komplew f’jum il-Ġimgħa l-Kbira permezz tal-Azzjoni Liturġika li, fil-Knisja ta' San Franġisk, bdiet fit-3pm u kienet immexxija minn Patri Ġorġ Attard OFM Konv.

Il-funzjoni liturġika tat-tlieta bdiet bil-Qari tal-Lezzjonijiet tal-Quddiesa, il-Kant tas-Salm Responsorjali u anke r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej skont l-Evanġelista San Ġwann. Dan il-qari kien segwit minn omelija qasira flimkien mat-talbiet ta’ interċessjoni li, waqt din iċ-ċelebrazzjoni, isiru fi stil differenti minn dak tas-soltu. Il-qofol ta’ din il-funzjoni ntlaħaq permezz tal-Adorazzjoni tal-Għuda tas-Salib Imqaddes li matulha sar il-kant tal-innijiet ‘O Poplu tiegħi’, 'Fik Kristu l-Maħfra Tagħna' u ‘Ġesu’ tiegħi’. Il-lettur qara wkoll numru ta’ improperji u salmi adatti għal waqt dan ir-rit sagru. Iċ-ċelebrazzjoni kompliet bit-Tqarbin Imqaddes li matulu sar il-kant tal-innu ‘O Ġesu’ tal-Akbar Ħniena’ u ntemmet fis-skiet li jitlob minna dan il-jum qaddis. Il-funzjoni ġiet fi tmiemha fl-4.20pm. Il-Knisja issa tkompli tishar ħdejn il-qabar tal-Mulej midfun filwaqt li tistenna b’ħerqa kbira l-mument tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt u d-dnub.

Intant, aktar tard matul il-jum, il-Banda Victory tax-Xagħra ħadet sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li ħarġet mill-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina fis-6.00pm u mxiet matul it-toroq 28 ta’ April 1688, San Ġużepp, Bullara, Jannar u Pjazza l-Vitorja sakemm irritornat lura fil-Knisja għall-ħabta tad-9.00pm.

L-impenji tal-Kor Nativitas marbuta mal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa jkomplu nhar is-Sibt 7 ta’ April fil-Velja Solenni tal-Għid il-Kbir.

Friday 6 April 2012

Jingħata bidu għat-Tridu Mqaddes tal-Għid

Nhar il-Ħamis 5 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, il-Knisja Universali tat bidu għat-Tridu Solenni tal-Għid biċ-ċelebrazzjoni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej.

Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkar l-Aħħar Ikla li Ġesu’ għamel mal-Appostli tiegħu awl il-lejl qabel ma kien ittradut, miċħud u msallab ma’ salib għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Nhar Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tfakkar it-twaqqif ta’ żewġ Sagramenti kbar: l-Ordni Sagri u l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija hija l-unika Quddiesa li tiġi ċċelebrata fil-Knejjes tagħna f’dan il-jum hekk kif matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu tiġi ċċelebrata biss Quddiesa waħda fil-Knisja Katidrali li matulha s-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li kienu għamlu f’jum l-Ordinazzjoni tagħhom filwaqt li l-Isqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa.

Fil-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat Għawdex, il-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka bdiet fis-6.30pm u kienet immexxija mill-W.R. Patri Joe Xerri OFM Konv., Gwardjan, flimkien mal-Komunita’ Franġiskana. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, ġiet esegwita l-Missa De Angelis (Gregorjana) bis-sehem tal-poplu. Ġew ukoll kantati l-innijiet ‘Ġbartna Flimkien Mulej’ (introjtu), ‘Ubi Caritas et Amor’ (ħasil tar-riġlejn), ‘Fejn Issib l-Imħabba u l-Għożża’ (Offertorju) u ‘Waslet is-Siegħa’ (Tqarbin). Fi tmien din iċ-ċelebrazzjoni, Ġesu’ Ewkaristija ġie meħud proċessjonalment mill-Altar Maġġur tal-Knisja għall-Altar tar-Repożizzjoni (magħruf b’mod popolari bħala s-Sepulkru) waqt il-Kant tal-Innu ‘Agħti lsien l-oħla foħrija’ u ‘Dal-Misteru Għarkobbtejna’. Flimkien mal-Kor Nativitas ħadet sehem ukoll is-Sopran Rosabelle Pavia. Hekk ġiet fi tmiemha din iċ-ċelebrazzjoni li tat bidu għat-Tridu Mqaddes tal-Għid.

Il-funzjoni li jmiss hija l-Azzjoni Liturġika tal-Ġimgħa l-Kbira li tinkludi r-rit tal-Adorazzjoni tal-Għuda tas-Salib. Din tibda fit-3pm.

Monday 2 April 2012

F’Ħadd il-Palm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Kor Nativitas kompla għaddej bl-impenji numerużi tiegħu fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa li jilħqu l-qofol tagħhom biċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Nhar Ħadd il-Palm, il-Kor fetaħ il-Ġimgħa Mqaddsa b’servizz fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fejn għal sena oħra ġie mistieden sabiex janima dawn iċ-ċelebrazzjonijiet solenni. Ftit qabel id-9.30am sar ir-rit tat-tberik tal-palm u ż-żebbuġ fuq iz-zuntier tal-Knisja li tmexxa minn Patri Ugolin Xerri OFM Konv. Dritt wara, saret il-purċissjoni bis-Salib Rebbieħ madwar is-salib tal-pjazza faċċata tal-Knisja segwita minn Quddiesa Konċelebrata li matulha nqara r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi adatti fosthom ‘Fik Kristu l-Maħfra tagħna’, ‘Kollni kemm jien’ u ‘Lill-Madonna tad-Dmugħ’ flimkien mal-‘Quddiesa tal-Poplu t’Alla’, mużika ta’ Patri Albert Cachia OSA.

Il-Kor Nativitas issa jkompli jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet tat-Tridu Mqaddes tal-Għid li jibda nhar il-Ħamis 5 ta’ April bil-Quddiesa Solenni ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija li tibda fis-6.30pm u li tinkludi r-rit tal-ħasil tar-riġlejn u tintemm bit-translazzjoni tas-Santissimu Sagrament lejn l-Altar tar-Repożizzjoni fejn Ġesu’ jkun adurat u meqjum mill-insara. Flimkien mal-Kor Nativitas ser tieħu sehem ukoll is-Sopran Għawdxija, Rosabelle Pavia.

Il-Kunċert tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Kor Nativitas fetaħ l-impenji tiegħu marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa billi ipparteċipa fil-Programm ta’ Mużika Sagra mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra.

Waqt dan il-Kunċert ġie mfakkar il-25 Anniversarju mill-mewt tas-Sur Ġorġ Cini, ko-fundatur tal-Banda Victory flimkien mal-memorji ta’ erba’ bandisti li għaddew għal ħajja oħra f’dawn l-aħħar seba’ snin: Mikieli Refalo (Settembru 2005), Carmel Vella (Diċembru 2009), Franġisk Bonello (Jannar 2011) u Ġużeppi Grima (Novembru 2011). Il-Kor ħa sehem f’dan il-Programm annwali billi kanta Preghiera mill-Opra Mose’ ta’ Giacomo Puccini u anke l-Innu ‘Quddiem Ġesu’ Imsallab’, versi ta’ Mons. Mikelanġ Apap u kompożizzjoni tas-Surmast Vincenzo Ciappara.

Il-Kor Nativitas issa jkompli b’aktar servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.