Thursday 17 May 2012

Il-Kor Nativitas b'servizz fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu

Nhar l-Erbgħa 16 ta' Mejju 2012, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu, sabiex janima l-Quddiesa Solenni tat-8pm fl-okkazjoni tat-tielet Erbgħa bi tħejjija spiritwali għas-Solennita' tal-Assunzjoni tal-Verġni Marija. 

Din il-Quddiesa kienet waħda speċjali tant li ġiet ippreseduta mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' diversi saċerdoti Għawdxin. Fuq stedina tal-Kurja Djoċesana, kien hemm ukoll prezenti numru ta' fratellanzi tal-Madonna minn xi parroċċi Għawdxin. Wara li ntemmet il-Quddiesa, Mons. Isqof mexxa t-talba tar-Ruzarju u inawgura l-Konsultorju tal-Familja - ċentru qrib is-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu li ser jibda jintuza biex minnu jingħataw pariri legali, amministrattivi, mediċi, psikoloġiċi u finanzjarji lil dawk il-familji li jkunu f'diffikulta'. 

Fl-omelija tiegħu għal din l-okkazjoni, Mons. Isqof qal li dan il-Konsultorju huwa investiment li qed tagħmel id-Djoċesi ta' Għawdex b'rizq il-familja u huwa zieda mas-servizzi li toffri d-Djoċesi permezz tal-Kummissjoni Familja u strutturi oħra fi ħdanha biex il-familja, li hija l-benniena tas-soċjeta' Maltija, tkompli tissaħħaħ. 

 


Monday 14 May 2012

Il-Kor Nativitas f’Sant’Anton għall-Kwaranturi Mqaddsa

Fuq stedina tal-W.R. Kan. Dun Ġwann Sultana, Rettur tal-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra, il-Kor Nativitas anima bil-Kant il-Quddiesa Solenni tat-Tieni Jum tal-Kwaranturi Solenni fl-istess Knisja. Din il-Quddiesa ġiet iċċelebrata nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju 2012 fis-7pm.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kienet immexxija minn Patri Ugolin Xerri OFM Konv., assistit mir-Rettur il-Kan Dun Ġwann Sultana u l-Kan. Dun Ġwann Bartolo. L-innijiet li ġew esegwiti kienu dawn: ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (Introjtu), ‘Irrid nieħu sehem’ (Offertorju) u ‘Kull Ħin Imbierek Ismu’ (Tqarbin) flimkien mal-‘Missa Pastorale’ ta’ Mro. Nazzareno Refalo. Fi tmiem il-Quddiesa, tkanta l-Innu Ewkaristiku ‘Nirien ta’ Mħabba’ waqt li saret l-Espożizzjoni ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija u ngħatat il-Barka Sagramentali.

Wara l-Quddiesa, il-membri tal-Kor ġew mistiedna għal trattament tal-okkażjoni fis-sagristija tal-istess Knisja.

Wednesday 9 May 2012

Il-Kor Nativitas janima l-funeral ta’ Ewkaristiku Sultana (1940 - 2012)

Fuq xewqa tal-familjari tiegħu, il-Kor Nativitas ġie mistieden sabiex janima l-Quddiesa tal-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku Sultana li għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-eta’ ta’ 71 sena. Mart Ewkaristiku, Ġuża, hija waħda mill-koristi regolari tal-Kor tagħna.

Il-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku sar nhar it-Tlieta 8 ta’ Mejju. Il-Quddiesa, li bdiet fil-5pm, kienet immexxija mill-W.R. Kan. Dun Ġużepp Cini bis-sehem ta’ diversi saċerdoti mill-Parroċċa tax-Xagħra u anke minn barra r-raħal. Waqt il-Quddiesa, il-Kor esegwixxa diversi innijiet reliġjużi adattati għal din l-okkażjoni. Flimkien mal-Kor Nativitas ħadet sehem ukoll is-Sopran Rita Dimech li interpretat l-innijiet Pie Jesu’ fl-Offertorju, Ave Verum Corpus fit-Tqarbin u Ħa Nersqu LejH waqt il-bews tal-Kurċifiss fuq it-tebut.

Il-Quddiesa kienet segwita mill-aħħar korteo lejn iċ-ċimiterju parrokkjali tax-Xagħra fejn saret id-difna fil-qabar tal-familja.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu,
jistrieħ fil-paċi. Amen!

Monday 7 May 2012

Servizzi tal-Kor fil-granet li gejjin

Dawn huma s-servizzi li ghandu l-Kor Nativitas ghall-granet u l-gimghat li gejjin:

It-Tlieta 8 ta' Mejju: 
5.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tal-Funeral ta' Eucharist Sultana fil-Knisja Bazilika ta' Marija Bambina (Xaghra). 

Is-Sibt 12 ta' Mejju:
7.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tat-Tieni Jum tal-Kwaranturi Solenni fil-Knisja ta' Sant'Anton Abbati, Xaghra.

Il-Hadd 20 ta' Mejju: Solennita' ta' Lapsi.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni ta' Jum Lapsi fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Il-Hadd 27 ta' Mejju: Solennita' ta' Ghid il-Hamsin.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni ta' Jum Ghid il-Hamsin fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Il-Hadd 3 ta' Gunju: Solennita' tat-Trinita' Qaddisa.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni tat-Trinita' Qaddisa fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria. 

Il-Hadd 10 ta' Gunju: Solennita' tal-Gisem u d-Demm tal-Mulej (Il-Korpus). 
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni tal-Korpus fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

L-Erbgha 13 ta' Gunju: Festa ta' Sant'Antnin ta' Padova.
5.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tal-festa ta' Sant'Antnin fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Dan is-sit elettroniku jzommkom aggornati bl-andament ta' dawn is-servizzi kollha. Grazzi.
 


Il-Kor Nativitas jipparteċipa fil-Festa ta’ San Ġużepp fix-Xagħra

Fuq stedina ta’ Mons. Arċipriet Carmelo Refalo, il-Kor Nativitas għal sena oħra ħa sehem attiv fil-festa devota ta’ San Ġużepp fil-Parroċċa tax-Xagħra.

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp fir-raħal tagħna tmur lura għal ħafna snin. Meta fl-1692 il-Parroċċa tax-Xagħra bdiet tiffunzjoni mill-Knisja ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, missirijietna Xagħrin, b’għaqal kbir, għażlu lil San Ġużepp biex ikun il-Kon-Patrun tal-Parroċċa. Għalhekk, id f’id ma’ Marija Bambina, San Ġużepp iħares il-Parroċċa tagħna minn kull għawġ. Id-devozzjoni lejn dan il-Qaddis kompliet tissaħħaħ meta fl-1879, sitt snin biss wara l-miġja tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina, waslet fostna l-istatwa artistika ta’ San Ġużepp maħduma għand id-ditta rinomata Galard et Fils ta’ Marsilja fi Franza. Din l-istatwa qanqlet fervur qaddis l-aktar minħabba l-ħlewwa li l-iskultur irnexxielu joħloq fil-figura ta’ San Ġużepp u tat-tfajjel Ġesu’. Għal xi żmien, il-festa parrokkjali ta’ San Ġużepp kienet tiġi ċċelebrata fl-Ottava tal-Għid pero’, peress li l-Liturġija għandha restrizzjonijiet kbar marbuta ma’ din l-Ottava, il-festa ġiet trasferita għall-ewwel Ħadd ta’ Mejju.

It-Tridu Solenni ta’ San Ġużepp beda nhar l-Erbgħa 2 u ntemm nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012. Iċ-ċelebranti kienu l-Arċipriet Emeritus Mons. Ewkaristiku Sultana, Mons. Anton Refalo Zammit u Mons. George Farrugia rispettivament filwaqt li l-omeliji mimlija tagħlim attwali dwar San Ġużepp saru minn Patri Ugolin Xerri li huwa membru assidwu tal-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Waqt il-Quddies tat-Tridu, ġew esegwiti bosta innijiet liturġiċi mill-Kor Nativitas bis-sehem sħiħ tal-assemblea li nġabret biex tipparteċipa f’din il-festa Ġużeppina. Kull Quddiesa kienet tiġi fi tmiemha bil-Kant tal-Antifona Exsurgens Josef (mużika ta’ Mro. Nazzareno Refalo), Barka Sagramentali u l-Kant tal-Innu popolari ‘Lil San Ġużepp, Kon-Patrun tax-Xagħra’ (mużika ta’ Mro. Mikiel Farrugia).

Il-Kor Nativitas kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Bażilika mid-Direttur tiegħu, l-organista Ivan Attard.