Monday 25 June 2012

Il-Kor Nativitas jipparteċipa fil-Festa tal-Madonna ta’ Pinu

Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012, fid-Djoċesi ta’ Għawdex, ġiet iċċelebrata l-Festa tal-129 Anniversarju mis-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu lil Carmela Grima.
 
Din it-tifkira li tiġi ċċelebrata kull sena tfakkarna fis-sejħa ‘Ejja... Ejja’ li l-Verġni Marija għamlet lil din ix-xbejba twajba mir-raħal tal-Għarb li kienet iżżur b’mod regolari l-kappella ċkejkna li kien hemm fl-imwarrab f’dawn l-inħawi. Din il-kappella illum ġiet trasformata f’Santwarju Marjan li huwa ċentru nazzjonali ta’ devozzjoni u kult lejn il-Verġni Marija.
 
Il-Pontifikal Solenni tat-8pm tmexxa mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta, bis-sehem ta’ numru sabiħ ta’ saċerdoti Għawdxin. Mons. Mercieca kien qed irodd ħajr lil Alla u lill-Verġni Marija f’għeluq is-sittin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, sabiex janima din iċ-ċelebrazzjoni. Il-Kor kanta l-Quddiesa Gregorjana ‘Missa De Angelis’ alternata mal-kongregazzjoni flimkien ma’ diversi innijiet liturġiċi oħra.
 
Is-servizz li jmiss ser ikun nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fejn fil-5.30pm ser tiġi ċċelebrata Quddiesa taRadd il-Ħajr lil Alla mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar fl-okkażjoni ta’ għeluq il-Ġublew il-Fidda mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Inħeġġukom tattendu!
 

Thursday 14 June 2012

Il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Victoria sabiex janima l-Quddiesa Solenni f’jum il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li ġiet iċċelebrata nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012. Il-Quddiesa tal-5pm tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u kienet tinkludi l-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi lil Sant’Antnin, il-Qaddis tal-Mirakli.

Il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi fosthom ‘L-Għanja tal-Ħolqien’ (Introjtu), ‘Imbierek Int Mulejja’ (Offertorju), ‘Ġbartna flimkien Mulej’ (Tqarbin) u l-Innu popolari lil Sant’Antnin ta’ Padova (Għeluq) flimkien mal-‘Missa Pastorale’ ta’ Mro. Nazzareno Refalo. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bit-tqassim tal-ħobż tradizzjonali ta’ Sant’Antnin.

Is-servizz li jmiss huwa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012 fit-8.00pm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tal-festa tas-Sejħa tal-Madonna lil Carmela Grima. Il-Pontifikal Solenni ser jitmexxa mill-Arċisqof Emeritus Mons. Ġuzeppi Mercieca fl-okkazjoni tas-60 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

Il-Kor Nativitas janima s-Solennitajiet liturġiċi tal-Mulej


Il-Kor Nativitas kompla għaddej bl-impenji tiegħu permezz ta’ diversi servizzi li huwa kellu fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Il-Kor anima l-Quddiesa kantata tad-9.30am fis-Solennitajiet liturġiċi ta’ Żmien il-Għid u dawk ta’ wara. Dawn huma Lapsi, Għid il-Ħamsin, it-Trinita’ Qaddisa u l-Korpus.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi li jixirqu għal kull okkażjoni. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni mill-organista Ivan Attard.