Monday, 5 September 2011

Kuncert muzikali mill-aqwa mill-Banda Victory flimkien mal-Kor Nativitas


Nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru, is-Socjeta’ Filarmonika Victory tellghet il-programm muzikali annwali taghha fl-okkazjoni tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Il-Kuncert kien bis-sehem tal-Kor Nativitas u s-solisti Audrey Marie Bartolo (Xaghra) u Rosman Pace (Malta). Il-Kuncert tas-Sibt inkluda diversi bicciet muzikali miktuba minn kompozituri differenti – bicciet li varjaw mill-era klassika ghall-era aktar moderna u kontemporanja fosthom bl-introduzzjoni ta’ siltiet fuq l-istil pop li zgur nizlu tajjeb mal-udjenza numeruza li ngabret biex issegwi dan il-Kuncert.

Il-Kor Nativitas kellu sehem f’dan il-Kuncert bil-kant tas-selection ‘On the Street where you live’ minn ‘My Fair Lady’ u l-innu Marcia ‘Ejjew Infahhru lil Marija’ tas-Surmast Mikiel Farrugia. Wara l-Kuncert, sar marc mill-Banda Victory lejn il-Kazin tal-istess Socjeta’ fejn tbierket u giet inawgurata n-nicca l-gdida fil-foyer tal-Kazin – din in-nicca ser tilqa’ fiha l-istatwa ta’ Marija Bambina li ser titbierek nhar il-Hadd 4 ta’ Settembru. Din l-istatwa giet regalata lis-Socjeta’ mill-President Onorarju s-Sur Michael F. Cini u l-familja tieghu.

Il-Kor Nativitas issa jkun impenjat bl-esekuzzjoni tal-Innu l-Kbir ‘Hdejn in-Nieqa ta’ Marija’ li jindaqq lejliet u nhar il-festa titulari fis-7 u t-8 ta’ Settembru. Aktar aggornamenti naghtuhom fil-jiem li gejjin. Niehdu din l-okkazjoni biex nawguraw il-festa t-tajba lil kulhadd!

Friday, 19 August 2011

Il-Kor Nativitas fil-Velja tal-Ghid tal-Assunta

Wara diversi gimghat ta’ preparazzjoni permezz tal-hmistax-il Erbgha devozzjonali bi thejjija ghas-Solennita’ tal-Ghid tal-Assunta ccelebrati fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, il-Knisja f’Ghawdex inghaqdet mal-Knisja Universali fic-celebrazzjoni tal-Vgili Solenni tal-Assunzjoni tal-Vergni Marija. Bhalma gara fis-snin li ghaddew, din ic-celebrazzjoni nzammet fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu nhar il-Hadd 14 ta’ Awwissu mit-8.15pm sal-10.30pm.

Ic-celebrazzjoni bdiet b’purcissjoni bil-Kwadru-replika tal-Madonna Ta’ Pinu li kienet segwita mit-talb tas-Salmi li l-Knisja Orjentali tirrecita fil-15 ta’ Awwissu. Fost dan it-talb, gie kantat l-innu ‘L-Ghid tal-Assunta’ b’muzika ta’ Mro. Paul Portelli. Is-solista waqt dan l-innu kien il-W.R. Dun Joseph Bajada, Kappillan tal-Parrocca tal-Qalb ta’ Gesu, Fontana. Din il-velja Djocesana lahqet il-qofol taghha b’Koncelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma’ diversi sacerdoti minn Malta u Ghawdex. Il-Kor Nativitas kien mistieden biex jinghaqad ma’ koristi ohra Ghawdxin fl-animazzjoni ta’ din ic-celebrazzjoni. Il-Kor kien immexxi minn Dorienne Portelli u akkumpanjat fuq l-orgni mill-organista Ivan Attard. Waqt din il-Quddiesa, is-Sorijiet Klarissi li ser jinawguraw il-monasteru taghhom f’Ghawdex fil-jiem li gejjin ghamlu talba ta’ affidament lill-Madonna Ta’ Pinu. Kien hemm prezenti wkoll iz-zghazagh Ghawdxin u Maltin li ser jattendu ghall-Jum Dinji taz-Zghazagh li qed isir gewwa Madrid fi Spanja.

Il-Kor issa jkompli bl-ahhar provi tieghu qabel il-Programm Vokali u Strumentali li ser ittella’ s-Socjeta’ Filarmonika Victory nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru f’Misrah il-Vitorja u ghall-esekuzzjoni tal-Innu l-Kbir ‘Hdejn in-Nieqa ta’ Marija Bambina’ li jindaqq mill-Banda taghna nhar l-Erbgha 7 u l-Hamis 8 ta’ Settembru, lejliet u nhar il-Festa titulari ta’ Marija Bambina. Aktar aggornamenti dwar dawn is-servizzi inkunu nistghu naghtuhom fil-jiem li gejjin.

Saturday, 2 July 2011

Servizzi u Attivitajiet tal-Kor Nativitas matul Gunju 2011

Wara s-sehem tieghu fil-festa tat-Tawmaturgu Sant’Antnin ta’ Padova ccelebrata b’solennita’ fil-Knisja ta’ San Frangisk ta’ Assisi, il-Kor Nativitas baqa’ ghaddej b’bosta impenji u servizzi liturgici ohra.

Nhar il-Hadd 19 ta’ Gunju, il-Kor Nativitas anima Quddiesa Koncelebrata fil-Knisja ta’ San Frangisk fl-okkazjoni tas-Solennita’ Liturgika tat-Trinita’ Qaddisa.

Nhar l-Erbgha 22 ta’ Gunju, Jum il-128 Anniversarju mis-Sejha tal-Madonna Ta’ Pinu lil Karmni Grima, il-Kor Nativitas gie mistieden mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar sabiex janima l-Pontifikal Solenni ta’ Jum il-Festa li tmexxa mill-E.T. Mons. Tommaso Caputo, Nunzju Apostoliku ghal Malta, bis-sehem ta’ diversi sacerdoti Maltin u Ghawdxin. Din ic-celebrazzjoni bdiet fit-8.00pm u rat il-partecipazzjoni ta’ bosta nies li gew jinviztaw lill-Madonna f’jum il-festa taghha.

Nhar il-Hadd 26 ta’ Gunju, Jum is-Solennita’ tal-Gisem u d-Demm tal-Mulej, il-Kor Nativitas anima l-Koncelebrazzjoni Solenni tad-9.30am fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani Konventwali tal-Belt Victoria.

Nhar l-Erbgha 29 ta’ Gunju, Solennita’ tal-Appostli San Pietru u San Pawl, il-Kor zamm l-appuntament regolari tieghu ta’ kull gimgha fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu billi anima l-Quddiesa tal-Erbghat tal-Madonna li bdiet fil-5.30pm u li kienet iccelebrata mis-sacerdot Xaghri, Dun Alex Refalo.

Fil-bidu tas-Sajf, il-Kor Nativitas organizza l-ewwel attivita’ socjali ghal din is-sena li ikkonsistiet f’pizza night fil-Horizon Restaurant nhar il-Hamis 30 ta’ Gunju mit-8.30pm ‘il quddiem. Din kienet attivita’ mill-isbah fejn il-membri tal-Kor kellhom l-opportunita’ li jiltaqghu f’ambjent informali u jiddevertu flimkien.

Sadanittant, il-Kor ser ikompli ghaddej bil-provi preparatorji tieghu ghall-Programm Vokali u Strumentali li s-Socjeta’ Filarmonika Victory ser ittella’ f’Misrah il-Vitorja nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru 2011 mid-9pm ‘il quddiem fl-okkazjoni tal-Festa titulari tat-Twelid ta’ Marija Bambina u ghas-servizzi liturgici l-ohra li fihom ser ikun impenjat fosthom il-Velja tal-Ghid tal-Assunta fil-pjazza ta’ quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu u n-Novena tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Il-Kor Nativitas imbaghad jieqaf ghall-mistrieh tieghu wara l-festa, jigiferi mid-9 sas-26 ta’ Settembru, qabel jerga’ jibda bir-rutina normali ta’ provi u servizzi.

Matul ix-xahar ta’ Lulju 2011, il-Kor ser ikompli jzomm l-appuntament tieghu ta’ kull nhar ta’ Erbgha fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fejn janima l-Quddiesa tal-5.30pm li tkun imxandra b’mod dirett fuq Radju Marija.

Thursday, 16 June 2011

Il-Kor Nativitas fil-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Fl-okkazjoni tal-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova iccelebrata fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani Konventwali tal-Belt Victoria nhar it-Tlieta 14 ta’ Gunju, il-Kor Nativitas gie mistieden janima l-Quddiesa tal-5.00pm.

Din ic-celebrazzjoni tmexxiet minn Patri Peter Paul Cachia O.S.A. u kienet bis-sehem tat-tfal. Infatti, fi tmiem din l-Ewkaristija, sar it-tberik u l-prezentazzjoni tat-tfal lil Sant’Antnin u t-tqassim tradizzjonali tal-hobz marbut ma’ din il-festa. Ic-celebrazzjoni ntemmet bil-Kant tal-Innu popolari ‘O tal-Mirakli’ u l-bews tar-Relikwija tal-Qaddis.

Sunday, 5 June 2011

Il-Kor Nativitas jiehu sehem f’Celebrazzjoni ta’ Radd il-Hajr lil Alla

Nhar il-Hadd 29 ta’ Mejju 2011, il-Kor Nativitas gie mistieden mill-Komunita’ tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Pompej fil-Belt Victoria sabiex janima Quddiesa ta’ Ringrazzjament lil Alla fl-okkazjoni tal-Hamsin Anniversarju mill-Professjoni Solenni ta’ zewg sorijiet Dumnikani. Wahda minn dawn is-sorijiet, Sr. Rachele, qed taqdi l-missjoni taghha skont il-karizma Dumnikana fil-Missjoni tal-Pakistan.

Ic-celebrazzjoni tal-Quddiesa bdiet fl-4.00pm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej u kienet ippreseduta mill-W.R. Kan. Dun Edward Vella flimkien ma’ sitt sacerdoti ohra. L-innijiet li gew esegwiti waqt din ic-celebrazzjoni kienu: ‘Radd il-Hajr lilek naghtu Mulej’ (Introjtu), ‘Tkun Imbierek Mulej’ (Offertorju), ‘Sibt Tezor’ (Tqarbin) u l-Innu popolari lill-Madonna ta’ Pompej (Gheluq). Giet ukoll kantata l-Quddiesa Gregorjana Missa De Angelis alternata mal-kongregazzjoni numeruza li ngabret ghal din l-okkazjoni.

Wara li ntemmet il-Quddiesa, sar riceviment zghir tal-okkazjoni fil-Kunvent tad-Dumnikani. Is-servizzi tal-KorNativitas ikompli matul ix-xahar ta’ Gunju 2011. Inheggukom sabiex tkomplu zzommu rwiehkom aggornati bl-attivitajiet taghna.

L-Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja Bazilika ta’ Marija Bambina fix-Xaghra


Nhar il-Hamis 26 ta’ Mejju 2011, il-komunita’ Parrokkjali tax-Xaghra fakkret b’mod solenni l-133 Anniversarju mid-Dedikazzjoni tal-Knisja Kolleggjata u Bazilika ta’ Marija Bambina. Il-Kor Nativitas gie mistieden sabiex janima l-Koncelebrazzjoni Solenni li fakkret dan l-anniversarju importanti u li bdiet fis-7.30pm.

Il-Quddiesa Solenni tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo assistit minn rapprezentanza tal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-istess Kolleggjata. Fost l-innijiet li gew esegwiti, wiehed ta’ min isemmi ‘Kemm toghgobni d-dar tieghek’ (Introjtu), ‘Imbierek int Mulejja’ (Offertorju), ‘Gbartna flimkien Mulej’ (Tqarbin) u ‘Nadurawk ja Hobz tas-Sema’ fi tmiem il-Quddiesa u bhala ftuh tal-Adorazzjoni Ewkaristika b’talb ghall-Vokazzjonijiet Sacerdotali, Religjuzi u Missjunarji. Tkantat ukoll il-Missa De Angelis (Gregorjana) bis-sehem tal-poplu.

L-appuntament li jmiss huwa ghal nhar il-Hadd, 29 ta’ Mejju 2011. Dakinhar, fl-4.00pm, il-KorNativitas ser janima Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Hajr lil Alla f’gheluq il-50 Anniversarju mill-Professjoni Solenni ta’ Soru dumnikana Ghawdxija li qed twettaq xoghol ta’ appostolat fil-Missjoni tal-Pakistan. Din ic-celebrazzjoni ser tinzamm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej fil-Belt Victoria. Inheggu lil kulhadd sabiex jattendi halli naqsmu flimkien il-ferh ta’ din l-okkazjoni.

Tuesday, 24 May 2011

Il-Kor janima l-funeral ta’ Maria Cini (1934-2011)

Nhar it-Tlieta 24 ta’ Mejju 2011, il-komunita’ parrokkjali tax-Xaghra tat l-ahhar tislima lil Maria Cini, mart is-Sur Michael Cini li ghal diversi snin okkupa l-kariga ta’ President tas-Socjeta’ Filarmonika Victory. Is-Sur Cini huwa wkoll il-fundatur tal-Kor Nativitas, President Onorarju u benefattur kbir tal-Banda Victory. Kien jixraq ghalhekk li, fuq xewqa tal-familja Cini, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa tal-funeral ta’ din ohtna.

Il-korteo funebri telaq mill-Isptar Generali ta’ Ghawdex fl-4.30pm fejn intlaqa’ fi Vjal it-Tmienja ta’ Settembru minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u rapprezentanza tal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-Kolleggjata ta’ Marija Bambina. Delegazzjoni mill-Kor Nativitas imxiet wara t-tebut bil-fdalijiet ta’ ohtna Marija sal-Knisja Bazilika. Il-Koncelebrazzjoni praesente cadavere tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u bdiet fil-5pm. Waqt il-Quddiesa, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturgici fosthom ‘Diehla go Qalbi’ (Introjtu), ‘Mulej lejk nghollu’ (Offertorju) u l-Missa Pro Defunctis (Gregorjana). Waqt it-tqarbin u fir-riti tat-tislima tal-ahhar, hadet sehem is-Sopran Rita Dimech fuq xewqa tal-familja Cini. Il-Quddiesa kienet segwita minn korteo lejn ic-cimiterju parrokkjali tax-Xaghra fejn saret id-difna.

AGHTIHA O MULEJ IL-MISTRIEH TA’ DEJJEM,
ID-DAWL TA’ DEJJEM JIDDI LILHA, TISTRIEH FIL-PACI. AMEN!

Il-Kor Nativitas jiehu sehem fil-Festa Sekondarja ta’ San Guzepp fix-Xaghra

Bejn l-Erbgha 18 u l-Hadd 22 ta’ Mejju 2011, il-Parrocca tax-Xaghra iccelebrat b’Solennita’ lil San Guzepp, ir-Ragel Gust tal-Vergni Marija u l-Patrun tal-Knisja Universali. Normalment, din il-festa tigi ccelebrata fl-Ewwel Hadd ta’ Mejju izda peress li din is-sena l-festi tal-Ghid gew tard, din il-festa giet trasferita ghall-Hadd 22 ta’ Mejju.

Din is-sena, il-Kor Nativitas zied il-partecipazzjoni tieghu f’din il-festa ghaziza ghax-Xaghrin kollha tant li anima t-Tridu kollu adunur ta’ San Guzepp li gie iccelebrat bejn l-Erbgha 18 u l-Gimgha 20 ta’ Mejju. Il-Koncelebrazzjoni Solenni bil-prietka tat-Tridu tmexxiet minn tliet sacerdoti differenti: Mons. Guzepp Cauchi, Dun Joseph Bajada u l-Kan. Dun Joe Cardona rispettivament. Ghal dan it-Tridu Solenni gew mistiedna t-tfal u l-istudenti Xaghrin li din is-sena ser jircievu s-Sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Grizma tal-Isqof flimkien mal-familjari u l-katekisti taghhom. Dawk kollha li attendew ghal dan it-Tridu kellhom l-opportunita’ li jisimghu katekezi mill-isbah dwar il-virtujiet li bihom kien imzejjen San Guzepp fil-hajja tieghu bhala l-Kap tal-Familja Mqaddsa u l-Missier putattiv ta’ Gesu’. Ic-celebrazzjoni tat-Tridu kienet tigi fi tmiemha bil-Kant tal-Antifona Exsurgens Josef, l-ghoti tal-Barka Sagramentali u l-Kant tal-Innu popolari ‘Lil San Guzepp’, kompozizzjoni ta’ Mro. Mikiel Farrugia.

Matul dawn il-jiem ta’ festa Guzeppina, il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet liturgici biex kompla sebbah ic-celebrazzjonijiet li saru fil-Knisja Bazilika. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Bazilika mid-Direttur tieghu, is-Sur Ivan Attard A.MusTCL.

Thursday, 5 May 2011

Il-Kor Nativitas jiftah l-Erbghat tal-Assunta


Nhar l-Erbgha 4 ta' Mejju 2011, id-Djocesi ta' Ghawdex tat bidu ghad-devozzjoni popolari tal-hmistax-il Erbgha bi thejjija spiritwali ghas-Solennita' tat-Tlugh fis-Sema tal-Vergni Marija li ta' kull sena niccelebraw nhar il-15 ta' Awwissu. Din id-devozzjoni hija mizmuma bl-akbar ghozza fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu fejn jinsab il-Kwadru titulari mirakoluz li juri l-grajja tal-Assunzjoni u li kien il-protagonist meta l-Vergni Marija kellmet lix-xbejba Ghawdxija, Karmni Grima, fl-1883.

Ghal sena ohra, ir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, ghamel stedina lill-Kor Nativitas sabiex janima l-Quddiesa Solenni tal-5.30pm li matul dawn l-Erbghat tkun imxandra dirett fuq Radju Marija ghall-beneficcju tal-morda u l-anzjani fi djarhom. B'dan il-mod, il-Kor fetah dawn l-impenji tieghu tal-Erbghat ghal din is-sena. Din il-Quddiesa, li nhar l-Erbgha kienet immexxija mir-Rettur innifsu, tinkludi meditazzjonijiet qosra dwar id-devozzjoni li l-Beatu Papa Gwanni Pawlu II kellu lejn il-Madonna. Kienu bosta l-familji / individwi li kienu prezenti ghal din ic-celebrazzjoni li issa tibqa' tirrepeti ruhha bl-istess programm matul l-erbatax-il Erbgha li gejjin sas-Solennita' tal-Assunta.


Wednesday, 4 May 2011

Il-Kor Nativitas jippartecipa fic-celebrazzjonijiet ta' Jum ix-Xaghra

Ta' kull sena, il-Kunsill Lokali Xaghra jorganizza diversi attivitajiet biex jikkommemora l-Anniversarju mit-Twaqqif tal-Parrocca tax-Xaghra, liema grajja storika sehhet nhar it-28 ta' April 1688 mill-Isqof Davide Cocco Palmeri. Il-Kor Nativitas flimkien mas-Socjeta' Filarmonika Victory tax-Xaghra kellhom sehem vast f'dawn il-festi li saru matul il-gimgha li ghaddiet.

Nhar il-Hamis 28 ta' April, il-jum propju ta' dan l-Anniversarju, saret Quddiesa Koncelebrata fil-Knisja Bazilika ta' Marija Bambina li matulha il-komunita' parrokkjali tax-Xaghra raddet hajr lil Alla ghall-grazzja imsawba matul din il-medda ta' snin. Il-Koncelebrazzjoni tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u kienet animata mill-Kor Nativitas akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur tieghu, Ivan Attard A.MusTCL. Immedjatament wara li ntemmet din ic-celebrazzjoni, fis-sala 'Dun Alwig Camilleri' fil-Kazin tal-Banda Victory, saret l-inawgurazzjoni ufficjali ta' esebizzjoni interessanti li ikkonsistiet f'200 ritratt marbuta mal-istorja tal-isports fix-Xaghra. Prezenti ghal din ic-cerimonja kien hemm numru sabih ta' koristi, membri mill-Kumitat Centrali tas-Socjeta', is-Sindku Joe Cordina u l-Kunsilliera flimkien mal-Arcipriet u rapprezentanza tal-Kapitlu Kolleggjali tax-Xaghra.

Is-Sibt 30 ta' April, il-Kunsill Lokali Xaghra organizza serata kulturali f'Misrah il-Vitorja li matulha gie moghti l-unur 'Gieh ix-Xaghra 2011' lis-Sur Vincent Vella ghall-hidma tieghu f'diversi ghaqdiet socjali tal-Parrocca fosthom anke bhala Kaxxier fil-Kumitat tal-Banda Victory fl-1996-1997. Il-Banda Victory, immexxija mis-Surmast Mro. Joe Galea LCM, daqqet diversi siltiet muzikali matul din il-lejla kulturali. Il-Kor Nativitas ippartecipa wkoll f'dan il-programm billi kanta flimkien mal-Banda s-silta 'Amigos Para Sempre', muzika ta' Andrew Lloyd Webber (arrangament tas-Surmast Joe Galea).

Nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali Xaghra li ghogobhom jistednuna sabiex niehdu sehem f'dawn l-attivitajiet ta' Jum ix-Xaghra.

Is-servizzi tal-Kor Nativitas ikomplu ghaddejjin hekk kif nhar l-Erbgha 4 ta' Mejju, l-Ewwel Erbgha bi thejjija ghas-Solennita' tal-Assunzjoni tal-Vergni Marija, il-Kor janima l-Kant waqt il-Quddiesa Solenni tal-5.30pm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu. Din ic-celebrazzjoni tal-Ewkaristija tkun imxandra live fuq Radju Marija. Il-Kor jibqa' jaghti dan is-servizz matul il-hmistax-il Erbgha tal-Assunta u jippartecipa wkoll fil-Velja ta' Santa Marija li ser tinzamm nhar il-Hadd 14 ta' Awwissu mit-8.30pm 'il quddiem. Aktar dettalji u aggornamenti naghtuhom fil-jiem li gejjin.