Dan il-Kor twaqqaf fis-16 ta' April 1999 u sal-lum ghadu jaghti s-servizz tieghu f'diversi celebrazzjonijiet liturgici f'numru sabih ta' Knejjes Ghawdxin. Id-Direttur muzikali u l-organista ufficjali tal-Kor huwa s-Sur Ivan Attard A.MusTCL. L-e-mail taghna huwa kornativitas@gmail.com. Ghal aktar informazzjoni, cemplu fuq 21 556835.
Monday, 7 May 2012
Il-Kor Nativitas jipparteċipa fil-Festa ta’ San Ġużepp fix-Xagħra
Monday, 30 April 2012
Il-Kor Nativitas fil-festa ta’ San Ġużepp fix-Xagħra
Monday, 9 April 2012
Christus Resurrexit sicut dixit... Alleluia! Alleluia!
Il-Kor Nativitas fil-Vġili Solenni tal-Għid il-Kbir
Saturday, 7 April 2012
Jum il-Mewt Glorjuża tal-Mulej
Friday, 6 April 2012
Jingħata bidu għat-Tridu Mqaddes tal-Għid
Din iċ-ċelebrazzjoni tfakkar l-Aħħar Ikla li Ġesu’ għamel mal-Appostli tiegħu awl il-lejl qabel ma kien ittradut, miċħud u msallab ma’ salib għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Nhar Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tfakkar it-twaqqif ta’ żewġ Sagramenti kbar: l-Ordni Sagri u l-Ewkaristija Mqaddsa. Il-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija hija l-unika Quddiesa li tiġi ċċelebrata fil-Knejjes tagħna f’dan il-jum hekk kif matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu tiġi ċċelebrata biss Quddiesa waħda fil-Knisja Katidrali li matulha s-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li kienu għamlu f’jum l-Ordinazzjoni tagħhom filwaqt li l-Isqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa.
Fil-Knisja ta’ San Franġisk fir-Rabat Għawdex, il-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka bdiet fis-6.30pm u kienet immexxija mill-W.R. Patri Joe Xerri OFM Konv., Gwardjan, flimkien mal-Komunita’ Franġiskana. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, ġiet esegwita l-Missa De Angelis (Gregorjana) bis-sehem tal-poplu. Ġew ukoll kantati l-innijiet ‘Ġbartna Flimkien Mulej’ (introjtu), ‘Ubi Caritas et Amor’ (ħasil tar-riġlejn), ‘Fejn Issib l-Imħabba u l-Għożża’ (Offertorju) u ‘Waslet is-Siegħa’ (Tqarbin). Fi tmien din iċ-ċelebrazzjoni, Ġesu’ Ewkaristija ġie meħud proċessjonalment mill-Altar Maġġur tal-Knisja għall-Altar tar-Repożizzjoni (magħruf b’mod popolari bħala s-Sepulkru) waqt il-Kant tal-Innu ‘Agħti lsien l-oħla foħrija’ u ‘Dal-Misteru Għarkobbtejna’. Flimkien mal-Kor Nativitas ħadet sehem ukoll is-Sopran Rosabelle Pavia. Hekk ġiet fi tmiemha din iċ-ċelebrazzjoni li tat bidu għat-Tridu Mqaddes tal-Għid.
Il-funzjoni li jmiss hija l-Azzjoni Liturġika tal-Ġimgħa l-Kbira li tinkludi r-rit tal-Adorazzjoni tal-Għuda tas-Salib. Din tibda fit-3pm.
Monday, 2 April 2012
F’Ħadd il-Palm u l-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa
Il-Kor Nativitas kompla għaddej bl-impenji numerużi tiegħu fil-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa li jilħqu l-qofol tagħhom biċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Nhar Ħadd il-Palm, il-Kor fetaħ il-Ġimgħa Mqaddsa b’servizz fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fejn għal sena oħra ġie mistieden sabiex janima dawn iċ-ċelebrazzjonijiet solenni. Ftit qabel id-9.30am sar ir-rit tat-tberik tal-palm u ż-żebbuġ fuq iz-zuntier tal-Knisja li tmexxa minn Patri Ugolin Xerri OFM Konv. Dritt wara, saret il-purċissjoni bis-Salib Rebbieħ madwar is-salib tal-pjazza faċċata tal-Knisja segwita minn Quddiesa Konċelebrata li matulha nqara r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.
Għal din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi adatti fosthom ‘Fik Kristu l-Maħfra tagħna’, ‘Kollni kemm jien’ u ‘Lill-Madonna tad-Dmugħ’ flimkien mal-‘Quddiesa tal-Poplu t’Alla’, mużika ta’ Patri Albert Cachia OSA.
Il-Kor Nativitas issa jkompli jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet tat-Tridu Mqaddes tal-Għid li jibda nhar il-Ħamis 5 ta’ April bil-Quddiesa Solenni ta’ Ħamis ix-Xirka filgħaxija li tibda fis-6.30pm u li tinkludi r-rit tal-ħasil tar-riġlejn u tintemm bit-translazzjoni tas-Santissimu Sagrament lejn l-Altar tar-Repożizzjoni fejn Ġesu’ jkun adurat u meqjum mill-insara. Flimkien mal-Kor Nativitas ser tieħu sehem ukoll is-Sopran Għawdxija, Rosabelle Pavia.
Il-Kunċert tal-Ġimgħa Mqaddsa
Il-Kor Nativitas fetaħ l-impenji tiegħu marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa billi ipparteċipa fil-Programm ta’ Mużika Sagra mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra. Waqt dan il-Kunċert ġie mfakkar il-25 Anniversarju mill-mewt tas-Sur Ġorġ Cini, ko-fundatur tal-Banda Victory flimkien mal-memorji ta’ erba’ bandisti li għaddew għal ħajja oħra f’dawn l-aħħar seba’ snin: Mikieli Refalo (Settembru 2005), Carmel Vella (Diċembru 2009), Franġisk Bonello (Jannar 2011) u Ġużeppi Grima (Novembru 2011). Il-Kor ħa sehem f’dan il-Programm annwali billi kanta Preghiera mill-Opra Mose’ ta’ Giacomo Puccini u anke l-Innu ‘Quddiem Ġesu’ Imsallab’, versi ta’ Mons. Mikelanġ Apap u kompożizzjoni tas-Surmast Vincenzo Ciappara.
Il-Kor Nativitas issa jkompli b’aktar servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Saturday, 24 March 2012
Id-Direttur mużikali tal-Kor Nativitas jipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-‘Gozo Organ Festival’
Ivan Attard ipparteċipa billi daqq xi xogħlijiet qosra fuq l-orgni tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu u anima l-Quddiesa tal-10.00am ta’ Jum il-Mulej li kienet immexxija mill-W.R. Mons. Joe Bezzina u li kienet imxandra b’mod dirett fuq Radju Marija għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.
Id-Direttur mużikali tal-Kor Nativitas twieled fl-1989 fix-Xagħra Għawdex. Huwa beda jistudja l-pjanu sa minn eta’ żgħira fejn irnexxielu jakkwista ċ-ċertifikat ta’ Grade 8 f’Solo Piano Performance u Grade 8 fit-Teorija tal-Mużika. F’Jannar 2011, taħt il-gwida ta’ Mro. Joseph Grech, Ivan irnexxielu jakkwista l-Associate Diploma tat-Trinity College of London. Fil-preżent, Ivan huwa l-organista residenti fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fejn janima l-Liturġija fil-Ħdud u anke fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fejn jieħu ħsieb l-animazzjoni liturġika mużikali fil-festi prinċipali tal-Knisja. Ivan huwa wkoll organista f’diversi Knejjes Għawdxin. Minbarra li jdoqq l-orgni, huwa wkoll bandist mal-Banda Victory tax-Xagħra fejn idoqq it-tenor saxophone u Direttur mużikali tal-Kor Nativitas tal-istess Soċjeta’. Fil-preżent, Ivan qed ikompli japprofondixxi l-istudji mużikali tiegħu billi qed jitgħallem il-vjolin. Ivan Attard jaħdem bħala Assistant Principal mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
L-amministrazzjoni tal-Kor Nativitas tixtieq tawgura aktar suċċessi lid-Direttur Ivan Attard A.MusTCL fil-karriera mużikali tiegħu!
Wednesday, 21 March 2012
L-impenji tal-Kor Nativitas fil-festi tal-Gimgha Mqaddsa
Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ser ikun impenjat b'għadd sabiħ ta' servizzi relatati maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.L-ewwel impenn tal-Kor għal dawn il-jiem għeżież ser ikun nhar is-Sibt 31 ta' Marzu 2012 fil-Kunċert ta' Mużika Sagra li ser ittella' l-Banda Victory fil-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta' Marija Bambina mit-8pm 'il quddiem. Il-Kor ser jieħu sehem billi jkanta fil-Preghiera mill-Opera 'Mose' ta' Giacomo Puccini u fl-Innu 'Quddiem Ġesu' Imsallab', kompożizzjoni ta' Mro. Vincenzo Ciappara.
L-impenji tal-Kor fil-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja ta' San Franġisk ikomplu kif ġej:
Il-Ħadd 1 ta' April: Ħadd il-Palm.
9.30am: Tberik tal-Palm u ż-Żebbuġ fuq iz-zuntier tal-Knisja, Purċissjoni bis-Salib Rebbieħ u Quddiesa Konċelebrata li matulha jinqara r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.
Il-Ħamis 5 ta' April: Ħamis ix-Xirka.
6.30pm: Konċelebrazzjoni Solenni li tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija Mqaddsa u li tinkludi r-Rit tal-Ħasil tar-Riġlejn u t-translazzjoni tas-Santissimu Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni (Is-Sepulkru).
Il-Ġimgħa 6 ta' April: Il-Ġimgħa l-Kbira.
3.00pm: Azzjoni Liturġika li tinkludi l-Qari tar-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
Is-Sibt 7 ta' April: Sibt il-Għid.
8.00pm: Vġili Solenni tal-Għid il-Kbir - Tberik tan-nar, Tħabbira Solenni tal-Għid, Liturġija tal-Kelma, Kant tal-Glorja, Tberik tal-Ilma, Liturġija tal-Magħmudija u Liturġija Ewkaristika.
Il-Ħadd 8 ta' April: Ħadd il-Għid.
9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.
Waqt dawn il-funzjonijiet, il-Kor Nativitas ser ikun immexxi u akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur Mużikali tiegħu, Ivan Attard A.MusTCL. Dan is-sit elettroniku tal-Kor Nativitas ser ikompli jwassal rappurtaġġ dettaljat tal-attivitajiet kollha li ser jieħu sehem fihom il-Kor matul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw l-Għid it-tajjeb lil kulħadd!




