Monday, 26 December 2011

Il-Kor Nativitas fil-festi tal-Milied

Matul dawn il-jiem li fihom il-Knisja Universali tiċċelebra b’Solennita’ t-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, il-Kor Nativitas kien impenjat b’bosta servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Ta’ min jgħid li l-Kor Nativitas huwa l-kor residenti f’din il-Knisja u, għaldaqstant, huwa għandu l-inkarigu li janima l-Liturġija fil-festi u fis-Solennitajiet il-kbar tal-kalendarju liturġiku.

Bejn it-Tnejn 19 u l-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru, il-Kor anima l-Quddiesa tan-Novena tal-Milied. Il-ħsibijiet saru mill-W.R. Dun Joseph Mercieca mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (Victoria). L-omeliji li saru kienu bbażati fuq l-Antifoni maġġuri li l-Liturġija tal-Knisja tkanta waqt it-talba tal-Għasar fil-ferji privileġġjati tal-Avvent, jiġifieri bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru. Dawn jissejħu l-Antifoni ‘O’ peress li kollha kemm huma jibdew b’din il-vokali li turi l-għaġeb ta’ Alla fost il-bnedmin. Għal din l-okkażjoni, il-Kor introduċa repertorju ġdid ta’ Żmien l-Avvent li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-kongregazzjoni miġbura. Dawn kienu jinkludi l-innijiet ‘Iż-Żmien Imħabbar Qorob’, ‘Inħejju t-Triq’ u ‘Ejja Mulej la tiddawwarx!’

Nhar il-Ħadd 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, il-Kor Nativitas anima l-Liturġija Solenni tat-Twelid tal-Mulej Ġesu’. Fid-9.15am ingħata bidu għal servizz qasir ta’ kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied segwita minn Quddiesa Kantata li kienet preseduta mill-W.R. Patri George Attard OFM Konv, eks-Gwardjan tal-istess komunita’ Franġiskana. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor esegwixxa l-‘Missa Pastorale’ tas-Surmast Nazzareno Refalo flimkien ma’ diversi għanjiet ta’ Żmien il-Milied. F’dawn l-okkażjonijiet, il-Kor Nativitas kien immexxi mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard, li akkumpanja lill-Kor fuq l-orgni tal-Knisja.

L-impenji tal-Kor Nativitas għal dawn il-festi jkomplu nhar is-Sibt li ġej, 31 ta’ Diċembru, fis-6.30pm fil-Knisja ta’ San Franġisk. Fi tmiem din l-Ewkaristija, jitkanta t-‘Te Deum’ bħala innu ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-grazzji li xerred fuqna matul din is-sena 2011 li qed tintemm. Aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin.

Nawgurawlkom il-kumplament tal-festi t-tajba!

Saturday, 17 December 2011

Impenji tal-Kor Nativitas fi zmien il-Milied

Matul dawn il-festi, il-Kor ġie mistieden biex għal sena oħra jagħti numru ta’ servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria:

Mit-Tnejn 19 sal-Erbgħa 21 ta’ Diċembru: Novena tal-Milied.

Il-Kor ser janima l-Quddiesa bil-prietka tan-Novena tal-Milied fis-6.30pm.

Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru: L-aħħar jum tan-Novena tal-Milied.

6.30pm: Quddiesa tal-aħħar jum tan-novena.


Il-Ħadd 25 ta’ Diċembru: Jum il-Milied.

9.15am: Kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.

Is-Sibt 31 ta’ Diċembru: L-Aħħar Jum tas-Sena Ċivili.

6.30pm: Quddiesa Kantata li tagħlaq bil-Kant Solenni tat-Te Deum bħala innu ta’ radd il-ħajr lil Alla.

Il-Ħadd 1 ta’ Jannar: Solennita’ ta’ Marija Omm Alla u Jum il-Paċi.

9.15am: Kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.

Il-Gimgha 6 ta' Jannar:

Mis-7.30pm ‘il quddiem: Attivita’ soċjali tal-Milied għall-membri kollha tal-Kor Nativitas.

Il-Ħadd 8 ta’ Jannar: Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej.

9.30am: Quddiesa kantata li matulha jitħabbru l-festi li jimxu mal-Għid għas-sena liturġika 2012.

Il-Kor Nativitas jixtieq jawgura lil kulħadd l-isbaħ xewqat

għal Milied hieni u Sena ġdida mimlija b’kull riżq u hena!

Thursday, 15 December 2011

Il-Kor Nativitas b’servizz ieħor fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu

Nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru 2011, fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, ġiet iċċelebrata s-Solennita’ tat-80 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-istess Santwarju. Dan il-maqdes prinċipali tal-gżejjer tagħna ġie ddedikat għall-qima ta’ Alla fit-13 ta’ Diċembru 1931 mill-Isqof Mons. Mikiel Gonzi.

Dan l-anniversarju ġie mfakkar permezz ta’ Quddiesa Konċelebrata li ġiet immexxija mill-W.R. Kan. Dun Eddie Vella flimkien mal-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju. Il-Kor Nativitas anima din iċ-ċelebrazzjoni. Huwa kien akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur mużikali, Ivan Attard.

Tuesday, 13 December 2011

Jitfakkar Jum il-Persuni b'Diżabilita' f'Għawdex

Nhar il-Ħadd 4 ta' Diċembru 2011, fid-Djoċesi ta' Għawdex, ġie imfakkar il-Jum Internazzjoni ddedikat lill-persuni bi bżonnijiet speċjali. Din il-kommemorazzjoni saret permezz ta' Quddiesa Konċelebrata li ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu fil-11.15am. Għal sena oħra, l-amministrazzjoni ta' Dar Arka għoġobha tistieden lill-Kor Nativitas sabiex janima l-kant liturġiku waqt din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Konċelebrazzjoni tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' Mons. Emmanuel Curmi, Direttur tal-Fondazzjoni Arka, il-W.R. Kan. Dun Michael Galea, Assistent Direttur tal-istess Fondazzjoni u l-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu. Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm numru kbir ta' persuni b'diżabilita' Għawdxin li fil-maġġor parti tagħhom jagħmlu użu mis-servizzi li toffri Dar Arka f'Għajnsielem. Fl-istess ġurnata, tfakkar il-ħdax-il anniversarju mill-ftuħ uffiċjali ta' din id-dar li kienet inawgurata fit-3 ta' Diċembru, 2000.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor Nativitas kanta diversi innijiet liturġiċi relatati ma' Żmien l-Avvent flimkien mal-Missa De Angelis alternata mal-poplu. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tas-Santwarju mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard.

Friday, 2 December 2011

Il-Kor Nativitas jieħu sehem fin-Novena tal-Kunċizzjoni

Bħas-snin l-imgħoddija, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria sabiex janima l-ewwel tlett ijiem tan-Novena bi tħejjija għas-Solennita’ tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Marija li hija l-festa prinċipali tal-Knisja ta’ San Franġisk. L-ewwel tliet ijiem tan-Novena saru mit-Tnejn 28 sal-Erbgħa 30 ta’ Novembru. Il-Quddiesa u l-ħsibijiet tan-Novena dwar l-Ispirtu Franġiskan u l-Immakulata saru minn Patri Arthur Calleja OFM Konv.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor Nativitas ippreżenta kant ġdid li ntlaqa’ tajjeb mill-kongregazzjoni numeruża li nġabret sabiex tisma’ l-ħsibijiet dwar l-Immakulata. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Knisja mill-organista Ivan Attard, id-Direttur mużikali tal-istess Kor.

L-impenji tal-Kor Nativitas f’dan iż-żmien ta’ festi jkomplu billi nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Diċembru, il-Kor ser janima Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-Santwarju Nazzjonali fl-okkażjoni tal-ħdax-il annivesarju mit-twaqqif ta’ Dar Arka. L-Ewkaristija tibda fil-11.15am.

Thursday, 24 November 2011

Jitfakkar l-Anniversarju mid-Dedikazzjoni tal-Knisja ta’ San Franġisk

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2011, il-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fakkret b’Solennita’ l-105 Anniversarju mill-Konsagrazzjoni tal-Knisja ddedikata lil San Franġisk.

Għal dan il-għan, fis-6.30pm ġiet iċċelebrata Quddiesa Konċelebrata li tmexxiet mill-W.R. Patri Joe Xerri, Gwardjan, flimkien mal-istess komunita’ Franġiskana. Fil-Quddiesa ġie kantat ukoll it-Tieni Għasar bil-Malti.

Għal din l-okkażjoni, ħa sehem il-Kor Nativitas akkumpanjat fuq l-orgni mill-organista Ivan Attard.

Monday, 7 November 2011

Gwardjan ġdid għall-komunita’ Franġiskana tal-Belt Victoria

Il-Kor Nativitas jixtieq jifraħ u jawgura lill-W.R. Patri Joe Xerri OFM Konv. li ftit tal-ġimgħat ilu nħatar bħala l-Gwardjan l-ġdid tal-komunita’ Franġiskana tal-Belt Victoria u allura huwa wkoll ir-Rettur il-ġdid tal-Knisja ta’ San Franġisk.

Fl-istess waqt, il-Kor jixtieq ukoll irodd ħajr lil Patri George Attard OFM Konv. għall-fiduċja tiegħu fil-Kor matul ir-Rettorat tiegħu.

Monday, 24 October 2011

Imfakkar il-113-il anniversarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’ Filarmonika Victory

Nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru 2011, is-Soċjeta’ Filarmonika Victory tax-Xagħra Għawdex fakkret b’solennita’ l-anniversarju mit-twaqqif legali tagħha fl-1898. Il-Banda Victory tniżżlet fl-istorja bħala l-ewwel Soċjeta’ mużikali mwaqqfa fl-irħula Għawdxin wara ż-żewġ baned imwaqqfa fil-Belt Victoria.

Kien eżattament nhar il-25 ta’ Ottubru 1898 li fil-Casa Pia Industriale fi Pjazza l-Vitorja iltaqgħu l-ewwel żgħażagħ li, immexxija mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Ġużepp Diacono u s-Surmast Malti Eduardo Farina, iffurmaw din l-Għaqda mużikali li għamlet unur lix-Xagħra tagħna. Minħabba diżgwid li nqala’ fil-Kumitat, din is-Soċjeta’ ġiet xolta fl-1906. Kien imbagħad fl-1934 li reġgħet twaqqfet il-Banda Victory li kienet iffurmata minn numru ta’ tfal u żgħażagħ Xagħrin li kienu jagħmlu parti mix-Xagħra Scouts Group. Minn dakinhar ‘l hawn, il-Banda Victory ma ħarsitx lura u baqgħet tagħti l-kontribut tagħha mhux biss fil-qasam mużikali iżda wkoll fil-qasam soċjali tar-raħal u ta’ Għawdex tagħna. Il-Kumitat tal-Banda Victory kien strumentali biex fl-1967 il-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina ġiet mgħollija għad-dinjita ta’ Bażilika Minuri u biex l-istatwa titulari ta’ Marija Bambina ġiet inkurunata minn idejn l-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi fit-2 ta’ Settembru 1973. Nhar it-8 ta’ Awwissu 1976 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Każin monumentali tas-Soċjeta’ fi Triq Marija Bambina fil-preżenza tad-Direttur Spiritwali l-W.R. Mons. Mikelanġ Apap u l-Ministru l-Onorevoli Patrick Holland. Bejn id-19 ta’ Settembru u t-3 ta’ Ottubru 1994, il-Banda Victory għamlet mawra ġewwa Detroit, il-Kanada u b’hekk tniżżlet fl-istorja bħala l-ewwel banda Għawdxija li esegwiet marċi u programm mużikali fil-Kanada.

Fl-1999, is-Soċjeta’ Filarmonika Victory kellha sehem ewlieni fil-festi speċjali li saru fil-Parroċċa tax-Xagħra biex ifakkru l-Ġublew tal-Fidda mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina, liema festi kienu ġew posposti mis-sena 1998 minħabba elezzjoni ġenerali bikrija li saret dakinhar. Fl-okkażjoni ta’ dawn il-festi, twaqqaf il-Kor tas-Soċjeta’ li għadu jagħti s-servizz tiegħu sal-ġurnata tal-lum. Fis-sena 2002, il-Banda Victory għamlet ristrutturar kbir fis-sala ewlenija tal-Każin tagħha. Is-sala ewlenija ingħatat l-isem ‘Dun Alwiġ Camilleri’ għal wieħed mill-benefatturi kbar tagħha li għadda għall-ħajja ta’ dejjem f’Jum il-Milied tas-sena 2001. Fis-sena 2006, il-Banda Victory kellha sehem prinċipali fil-festi Ċinkwantenarji organizzati mill-Parroċċa tal-Katidral u s-Soċjeta’ Filarmonika Leone tal-Belt Victoria. Nhar id-29 ta’ April u t-3 ta’ Mejju 2006, il-Banda Victory flimkien mal-Banda Leone akkumpanjaw l-istatwa titulari ta’ Santa Marija waqt żewġ pellegrinaġġi ta’ talb li saru fix-Xagħra. B’hekk, il-Banda Victory tniżżlet fl-istorja bħala l-unika Banda (apparti l-Banda Leone) li akkumpanjat l-istatwa titulari ta’ Santa Marija meqjuma fil-Katidral ta’ Għawdex f’żewġ purċissjonijiet solenni fir-raħal tagħna. Riċentament, nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2011, il-Banda Victory akkwistat statwa mill-isbaħ ta’ Marija Bambina regalata mill-President Onorarju s-Sur Michael F. Cini. Din l-istatwa, propjeta’ tal-istess Soċjeta’, tinsab issebbaħ il-foyer tal-Każin tal-Banda.

Biex ifakkar dan l-anniversarju, din is-sena, il-Kumitat tal-Banda Victory iddeċieda li jorganizza Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fil-Knisja Bażilika ta’ Marija Bambina. Din il-Quddiesa saret nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru fis-7.00pm. Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata mill-Arċipriet Mons. Carmelo Refalo flimkien mal-Kan. Dun Ġiljan Refalo Rapa, Direttur Spiritwali, u l-W.R. Mons. Ewkaristiku Sultana, Arċipriet Emeritus u President Onorarju tas-Soċjeta’. Ħadet sehem il-Banda Victory immexxija mis-Surmast Mro. Joseph Galea LCM u l-Kor Nativitas tal-istess Soċjeta’.

Wednesday, 21 September 2011

Servizzi ta' wara l-festa

Il-Kor Nativitas temm l-impenji tieghu fil-festa titulari ta' Marija Bambina fix-Xaghra bil-partecipazzjoni importanti tieghu fl-esekuzzjoni tal-Innu l-Kbir 'Hdejn in-Nieqa ta' Marija Bambina' nhar il-Hamis 8 ta' Settembru waqt il-hrug tal-purcissjoni solenni bl-istatwa inkurunata tal-patruna taghna.

Wara gimgha ta' mistrieh misthoqqa lill-koristi ghall-provi u s-servizzi relatati mal-festa, il-Kor rega' beda jiltaqa' biex ihejji ghas-servizzi li jmiss. Infatti, nhar is-Sibt 17 ta' Settembru, il-Kor ta l-ewwel servizz tieghu fil-Knisja ta' San Frangisk fil-Belt Victoria fl-okkazjoni tal-Ewwel Sibt bi thejjija ghas-Solennita' tal-Immakulata Kuncizzjoni. Il-Kor issa qed jiltaqa' regolarment darba fil-gimgha biex ihejji r-repertorju ghas-servizzi li gejjin, ewlenin fosthom it-Tridu tal-Festa ta' San Frangisk u festi ohra li jigu ccelebrati fl-istess Knisja tal-Patrijiet Frangiskani Konventwali.

Monday, 5 September 2011

Kuncert muzikali mill-aqwa mill-Banda Victory flimkien mal-Kor Nativitas


Nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru, is-Socjeta’ Filarmonika Victory tellghet il-programm muzikali annwali taghha fl-okkazjoni tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Il-Kuncert kien bis-sehem tal-Kor Nativitas u s-solisti Audrey Marie Bartolo (Xaghra) u Rosman Pace (Malta). Il-Kuncert tas-Sibt inkluda diversi bicciet muzikali miktuba minn kompozituri differenti – bicciet li varjaw mill-era klassika ghall-era aktar moderna u kontemporanja fosthom bl-introduzzjoni ta’ siltiet fuq l-istil pop li zgur nizlu tajjeb mal-udjenza numeruza li ngabret biex issegwi dan il-Kuncert.

Il-Kor Nativitas kellu sehem f’dan il-Kuncert bil-kant tas-selection ‘On the Street where you live’ minn ‘My Fair Lady’ u l-innu Marcia ‘Ejjew Infahhru lil Marija’ tas-Surmast Mikiel Farrugia. Wara l-Kuncert, sar marc mill-Banda Victory lejn il-Kazin tal-istess Socjeta’ fejn tbierket u giet inawgurata n-nicca l-gdida fil-foyer tal-Kazin – din in-nicca ser tilqa’ fiha l-istatwa ta’ Marija Bambina li ser titbierek nhar il-Hadd 4 ta’ Settembru. Din l-istatwa giet regalata lis-Socjeta’ mill-President Onorarju s-Sur Michael F. Cini u l-familja tieghu.

Il-Kor Nativitas issa jkun impenjat bl-esekuzzjoni tal-Innu l-Kbir ‘Hdejn in-Nieqa ta’ Marija’ li jindaqq lejliet u nhar il-festa titulari fis-7 u t-8 ta’ Settembru. Aktar aggornamenti naghtuhom fil-jiem li gejjin. Niehdu din l-okkazjoni biex nawguraw il-festa t-tajba lil kulhadd!