Thursday, 5 May 2011

Il-Kor Nativitas jiftah l-Erbghat tal-Assunta


Nhar l-Erbgha 4 ta' Mejju 2011, id-Djocesi ta' Ghawdex tat bidu ghad-devozzjoni popolari tal-hmistax-il Erbgha bi thejjija spiritwali ghas-Solennita' tat-Tlugh fis-Sema tal-Vergni Marija li ta' kull sena niccelebraw nhar il-15 ta' Awwissu. Din id-devozzjoni hija mizmuma bl-akbar ghozza fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu fejn jinsab il-Kwadru titulari mirakoluz li juri l-grajja tal-Assunzjoni u li kien il-protagonist meta l-Vergni Marija kellmet lix-xbejba Ghawdxija, Karmni Grima, fl-1883.

Ghal sena ohra, ir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, ghamel stedina lill-Kor Nativitas sabiex janima l-Quddiesa Solenni tal-5.30pm li matul dawn l-Erbghat tkun imxandra dirett fuq Radju Marija ghall-beneficcju tal-morda u l-anzjani fi djarhom. B'dan il-mod, il-Kor fetah dawn l-impenji tieghu tal-Erbghat ghal din is-sena. Din il-Quddiesa, li nhar l-Erbgha kienet immexxija mir-Rettur innifsu, tinkludi meditazzjonijiet qosra dwar id-devozzjoni li l-Beatu Papa Gwanni Pawlu II kellu lejn il-Madonna. Kienu bosta l-familji / individwi li kienu prezenti ghal din ic-celebrazzjoni li issa tibqa' tirrepeti ruhha bl-istess programm matul l-erbatax-il Erbgha li gejjin sas-Solennita' tal-Assunta.


No comments:

Post a Comment