Monday, 1 June 2009

Il-Kor Nativitas f'Ghid il-Hamsin

Ilbierah il-Hadd 31 ta' Mejju 2009, il-Kor Nativitas inghaqad mal-Knisja Universali fic-celebrazzjoni tas-Solennita' ta' Ghid il-Hamsin - it-tifkira ta' l-inzul ta' l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli u fuq il-Knisja. Din hija t-tieni l-ikbar festa li ghandha l-Knisja ghaliex fiha tfakkar il-gurnata ghaziza tat-twelid taghha. Fil-Ktieb ta' l-Atti ta' l-Appostli nsibu miktub b'mod car kif, hamsin jum wara l-grajja irrepetibbli tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet, l-Appostli kienu migburin flimkien fic-cenaklu meta 'instema' hoss bhal ta' rih qawwi li mela d-dar kollha fejn kienu qeghdin - u dehru qishom ilsna tan-nar li tqassmu u qaghdu fuq kull wiehed minnhom.' Is-Solennita' ta' Ghid il-Hamsin tfakkar it-temma tal-weghda kbira li Gesu' kien ghamel lill-Appostli tieghu - dik li jibaghtilhom l-Ispirtu s-Santu sabiex jghinhom ikunu xhieda tieghU quddiem id-dinja. Il-festa solenni tal-bierah ghalqet Zmien il-Ghid.

Il-Kor Nativitas iccelebra din il-festa tant kbira mal-Komunita' Frangiskana tal-Belt Victoria. Fid-9.30am inghata bidu ghal Koncelebrazzjoni Solenni li giet ippreseduta mill-W.R. Patri George Attard OFM Konv., Gwardjan tal-Komunita' Frangiskana tar-Rabat Ghawdex. Il-membri tal-Kor Nativitas attendew bi hgarhom ghal din il-Quddiesa. Kif kien verament jixraq, il-kant liturgiku li gie esegwit b'tant reqqa kien kollu marbut ma' l-Ispirtu s-Santu: "L-Ispirtu tal-Mulej qed jistrieh fuqi" (introjtu), is-salm responsorjali bir-ritornell "Hallelujah", l-"Hallelujah" Paskwali qabel il-qari ta' l-Evangelju, "L-Ispirtu tal-Mulej qed jinxtered" (offertorju), "Spirtu Qaddis tal-Mulej" (tqarbin) u "Dawk li jmexxihom l-Ispirtu" (gheluq). Il-Kor esegwixxa l-Missa Pastorale tas-Surmast Mro. Nazzareno Refalo. Fi tmiem il-Quddiesa, giet recitata l-Kurunella lil Sant'Antnin ta' Padova (peress li ninsabu wkoll fit-Tredicina bi thejjija spiritwali ghall-festa ta' dan it-Tawmaturgu gharef tal-Knisja) u wara sar il-bews tar-relikwija insinji tal-istess Qaddis.

Is-servizz li jmiss huwa nhar it-Tlieta 9 ta' Gunju ghall-Quddiesa Solenni ta' l-Ewwel Jum tat-Tridu f'gieh Sant'Antnin fil-Knisja ta' San Frangisk, il-Belt Victoria, fis-6.30pm. MA NINSEWX pero' li nhar l-Erbgha li gej, 3 ta' Gunju, il-Kor Nativitas ikompli bl-impenji tieghu marbuta mal-hmistax-il Erbgha devozzjonali bi thejjija ghall-Ghid ta' l-Assunta billi fil-5.30pm janima l-Quddiesa bil-prietka ta' l-okkazjoni fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu.




No comments:

Post a Comment