Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2012, il-Kor Nativitas kien mistieden sabiex janima
Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin
anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur
preżenti tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Dun Alex Refalo, Dun
Anton Attard u Dun Mikiel Xuereb. L-Ordinazzjoni ta’ dawn is-saċerdoti kienet
saret fil-Knisja Katidrali ta’ Marija Assunta fl-1987 minn idejn l-E.T. Mons. Isqof
Nikol Ġ. Cauchi.
Il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla ġiet
iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tad-disa’
Erbgħa bi tħejjija għall-Għid tal-Assunta u bdiet fil-5.30pm. Il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet
liturġiċi relatati ma’ din l-okkażjoni. Il-Quddiesa ġiet imxandra wkoll fuq
Radju Marija għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani li ma setgħux joħorġu minn
djarhom.
Sadanittant, matul ix-xahar ta’ Lulju, il-Kor qed
jiltaqa’ regolarment sabiex iħejji ruħu għall-Programm Vokali u Strumentali
mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-jiem
tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Aktar dettalji jingħataw fil-ġimgħat li
ġejjin. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw lil kulħadd Sajf ta’ mistrieħ!