Monday 9 July 2012

Il-Kor Nativitas irodd ħajr lil Alla flimkien ma’ erba’ saċerdoti Għawdxin


Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2012, il-Kor Nativitas kien mistieden sabiex janima Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur preżenti tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Dun Alex Refalo, Dun Anton Attard u Dun Mikiel Xuereb. L-Ordinazzjoni ta’ dawn is-saċerdoti kienet saret fil-Knisja Katidrali ta’ Marija Assunta fl-1987 minn idejn l-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi.

Il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tad-disa’ Erbgħa bi tħejjija għall-Għid tal-Assunta u bdiet fil-5.30pm. Il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet liturġiċi relatati ma’ din l-okkażjoni. Il-Quddiesa ġiet imxandra wkoll fuq Radju Marija għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani li ma setgħux joħorġu minn djarhom.

Sadanittant, matul ix-xahar ta’ Lulju, il-Kor qed jiltaqa’ regolarment sabiex iħejji ruħu għall-Programm Vokali u Strumentali mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-jiem tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Aktar dettalji jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw lil kulħadd Sajf ta’ mistrieħ!

No comments:

Post a Comment