Monday, 4 February 2013

Servizzi tal-Kor Nativitas matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2013

Matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar, il-Kor Nativitas kellu bosta servizzi liturġiċi. Dan hu l-iskop prinċipali tal-Kor: li nagħtu tifħir lil Alla permezz tal-Kant.

Nhar is-Sibt 19 ta’ Jannar, il-Kor anima l-Quddiesa Solenni ta’ lejliet il-Festa ta’ Sant’Anton Abbati ċċelebrata fil-Knisja ddedikata lilu fix-Xagħra. Il-Quddiesa bdiet fis-6pm u kienet ippreseduta mill-W.R. Mons. Giovanni Bosco Gauci, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi tagħna. Il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi u l-Missa De Angelis bis-sehem tal-poplu. Fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni, tkanta l-‘Innu lil Sant’Anton’, kompozizzjoni tas-Surmast Xagħri, Nazzareno Refalo.

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-W.R. Kan. Dun Mikiel Borg, Rettur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn sabiex janima l-Konċelebrazzjoni Solenni f’jum il-festa liturġika tal-Konverzjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Din il-Konċelebrazzjoni tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech bis-sehem tas-saċerdoti li jagħtu servizz pastorali fil-kommunita’ ta’ Marsalforn. Il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi fosthom l-‘Innu taċ-Ċentinarju Pawlin’, muzika tas-Surmast Joseph Abela Scolaro.

Fi spazju ta’ ftit il-jiem, il-Kor reġa’ ġie mistieden sabiex janima l-Quddiesa tal-11am f’jum il-festa titulari ta’ San Pawl iċċelebrata fil-Knisja ta’ Marsalforn nhar il-Ħadd 3 ta’ Frar. Għal din l-okkazjoni, il-Kor kien akkumpanjat minn orkestrina ta’ ħdax-il element, kollha studenti u zgħazagħ Għawdxin, li animaw il-Quddiesa li kienet immexxija mill-W.R. Mons. Salv Grima. Il-Kor u l-orkestrina kienu taħt id-direzzjoni tas-Sur Ivan Attard.

Is-servizz li jmiss huwa nhar is-Sibt 9 ta’ Frar 2013, Lejliet is-Solennita’ tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fil-Knisja ta’ Marsalforn. Il-Quddiesa tibda fis-6pm.
 
 

No comments:

Post a Comment