Monday, 24 August 2009

Gheluq tal-Kwaranturi Solenni fil-Knisja ta' Marsalforn







Nhar il-Hadd 23 ta’ Awwissu 2009, il-komunita’ ta’ San Pawl Nawfragu f’Marsalforn temmet b’mod l-aktar solenni l-festa f’gieh Gesu’ Ewkaristija li giet iccelebrata permezz ta’ l-Adorazzjoni Ewkaristika Solenni msejha b’mod tradizzjonali bhala ‘Kwaranturi’. Ta’ min jghid li din il-festa tal-Kwaranturi hija antika hafna fil-Knisja u kienet ibbazata fuq erbghin siegha ta’ adorazzjoni quddiem Gesu’ Sagramentat. Permezz tad-duttrina taghha, il-Knisja Kattolika taghti importanza mhux zghira lill-prattika ta’ l-adorazzjoni ghax temmen li din hija kontinwazzjoni tat-talba sublimi tal-Quddiesa li fiha jiggedded il-Misteru l-Kbir ta’ l-Ghid tal-Mulej. Il-Papa Urbanu IV waqqaf is-Solennita’ tal-Gisem u d-Demm tal-Mulej (il-Korpus) biex f’din il-gurnata tinghata venerazzjoni lill-Misteru Ewkaristiku peress li nhar Hamis ix-Xirka (il-gurnata li fiha jitfakkar it-twaqqif ta’ l-Ewkaristija u s-Sacerdozju Ministerjali), l-attenzjoni tal-poplu tkun aktar fuq il-passjoni ta’ Sidna Gesu’ Kristu. Barra minn dawn iz-zewg festi ‘ewkaristici’, kull parrocca u knisja torganizza tlett ijiem matul is-sena li fihom taghti qima lil Gesu’ fl-Ewkaristija. Fil-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn, il-Kwaranturi jinzammu kull sena f’dak il-Hadd li fih tigi ccelebrata l-festa ta’ Marija Assunta fil-parrocca taz-Zebbug. Il-W.R. Kan. Dun Mikiel Borg, Rettur tal-Knisja, hejja programm shih ta’ attivitajiet b’rabta ma’ din il-festa li beda nhar il-Hamis 20 ta’ Awwissu u ghalaq nhar il-Hadd li ghadda, 23 ta’ Awwissu.
Il-Kor Nativitas gie mistieden sabiex jippartecipa u janima l-Liturgija ta’ l-gheluq tal-Kwaranturi. Ic-celebrazzjoni bdiet fis-7.00pm permezz tal-Kant Solenni tat-Tieni Ghasar ta’ l-Ewkaristija li tmexxa mill-W.R. Kan. Dun Mikiel Borg. Is-salmi tkantaw fuq melodiji stil Gregorjan u allura l-kongregazzjoni migbura setghet tippartecipa u tfahhar lil Alla b’din it-talba tal-Knisja kollha f’inzul ix-xemx. Fis-7.30pm bdiet Koncelebrazzjoni Solenni li kienet ippreseduta mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Ghawdex. Flimkien ma’ Mons. Isqof, ikkoncelebraw il-Kappillan Dun Mikiel Borg, Mons. Salv Grima u Dun Franz Refalo – dawn is-sacerdoti jaghtu servizz pastorali fil-Knisja ta’ Marsalforn. Il-Kor Nativitas kien taht it-tmexxija ta’ Silvana Agius u l-organista Ivan Attard. Ghal din l-okkazjoni, giet esegwita l-Quddiesa Gregorjana De Angelis – ghazilna li nkantaw din il-Quddiesa peress li hija wahda semplici u mexxejja u ghaldaqstant il-poplu seta’ jinghaqad maghna biex ifahhar lil Alla. L-innijiet li gew esegwiti kienu dawn: ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (introjtu), ‘Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej’ (salm responsorjali), ‘Tkun Imbierek Mulej’ (offertorju) u ‘il-Hobz tal-Hajja’ (tqarbin). F’uhud minn dawn l-innijiet religjuzi, xi membri tal-Kor Nativitas interpretaw partijiet soli.
Hekk kif intemmet il-Quddiesa, jigifieri fit-8.30pm, bdiet hierga l-purcissjoni pontifikali b’Gesu’ Ewkaristija li tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Il-purcissjoni ghaddiet mit-toroq principali tal-bajja ta’ Marsalforn. In-numru ta’ nies li attendew kien impressjonanti. Ninsabu certi li din l-attivita’ ‘Ewkaristika’ halliet xi effett pozittiv fuq il-folol kbar ta’ nies li kien hemm prezenti f’Marsalforn f’dan il-jum/lejl tipikament sajfi. Il-purcissjoni kienet akkumpanjata mit-talb u l-kant u d-daqq melodjuz tal-qniepen elettronici mill-kampnar tal-Knisja ta’ Marsalforn.
Il-purcissjoni solenni irritornat lura fil-Knisja ta’ San Pawl fid-9.00pm u intlaqghet bil-kant ta’ l-innu ‘Lil Gesu’ Ostja’ mill-Kor Nativitas. Ic-celebrazzjoni solenni ntemmet bil-Barka Sagramentali u bir-ringrazzjamenti tal-Kappillan Dun Mikiel Borg ghall-festa sabiha li rnexxielna norganizzaw adunur Gesu’ fl-Ewkaristija. Ghalina din kienet l-ahhar attivita’ taghna qabel il-jiem tal-festa titulari ta’ Marija Bambina ccelebrata fil-parrocca taghna tax-Xaghra.
Harsitna issa tintefa’ fuq il-Programm Vokali u Strumentali mtella’ mis-Socjeta’ Filarmonika Victory li fih ser infakkru l-ghaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Kor (1999 – 2009). Il-programm shih ta’ attivitajiet u impenji tal-Kor fil-jiem tal-festa 2009 jithabbar b’mod ufficjali fil-granet li gejjin.

No comments:

Post a Comment