Tuesday, 13 December 2011

Jitfakkar Jum il-Persuni b'Diżabilita' f'Għawdex

Nhar il-Ħadd 4 ta' Diċembru 2011, fid-Djoċesi ta' Għawdex, ġie imfakkar il-Jum Internazzjoni ddedikat lill-persuni bi bżonnijiet speċjali. Din il-kommemorazzjoni saret permezz ta' Quddiesa Konċelebrata li ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu fil-11.15am. Għal sena oħra, l-amministrazzjoni ta' Dar Arka għoġobha tistieden lill-Kor Nativitas sabiex janima l-kant liturġiku waqt din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Konċelebrazzjoni tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' Mons. Emmanuel Curmi, Direttur tal-Fondazzjoni Arka, il-W.R. Kan. Dun Michael Galea, Assistent Direttur tal-istess Fondazzjoni u l-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu. Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm numru kbir ta' persuni b'diżabilita' Għawdxin li fil-maġġor parti tagħhom jagħmlu użu mis-servizzi li toffri Dar Arka f'Għajnsielem. Fl-istess ġurnata, tfakkar il-ħdax-il anniversarju mill-ftuħ uffiċjali ta' din id-dar li kienet inawgurata fit-3 ta' Diċembru, 2000.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor Nativitas kanta diversi innijiet liturġiċi relatati ma' Żmien l-Avvent flimkien mal-Missa De Angelis alternata mal-poplu. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tas-Santwarju mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard.

No comments:

Post a Comment