Bejn it-Tnejn 19 u l-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru, il-Kor anima l-Quddiesa tan-Novena tal-Milied. Il-ħsibijiet saru mill-W.R. Dun Joseph Mercieca mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri (Victoria). L-omeliji li saru kienu bbażati fuq l-Antifoni maġġuri li l-Liturġija tal-Knisja tkanta waqt it-talba tal-Għasar fil-ferji privileġġjati tal-Avvent, jiġifieri bejn is-17 u t-23 ta’ Diċembru. Dawn jissejħu l-Antifoni ‘O’ peress li kollha kemm huma jibdew b’din il-vokali li turi l-għaġeb ta’ Alla fost il-bnedmin. Għal din l-okkażjoni, il-Kor introduċa repertorju ġdid ta’ Żmien l-Avvent li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-kongregazzjoni miġbura. Dawn kienu jinkludi l-innijiet ‘Iż-Żmien Imħabbar Qorob’, ‘Inħejju t-Triq’ u ‘Ejja Mulej la tiddawwarx!’
Nhar il-Ħadd 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, il-Kor Nativitas anima l-Liturġija Solenni tat-Twelid tal-Mulej Ġesu’. Fid-9.15am ingħata bidu għal servizz qasir ta’ kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied segwita minn Quddiesa Kantata li kienet preseduta mill-W.R. Patri George Attard OFM Konv, eks-Gwardjan tal-istess komunita’ Franġiskana. Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor esegwixxa l-‘Missa Pastorale’ tas-Surmast Nazzareno Refalo flimkien ma’ diversi għanjiet ta’ Żmien il-Milied. F’dawn l-okkażjonijiet, il-Kor Nativitas kien immexxi mid-Direttur mużikali tiegħu, Ivan Attard, li akkumpanja lill-Kor fuq l-orgni tal-Knisja.
L-impenji tal-Kor Nativitas għal dawn il-festi jkomplu nhar is-Sibt li ġej, 31 ta’ Diċembru, fis-6.30pm fil-Knisja ta’ San Franġisk. Fi tmiem din l-Ewkaristija, jitkanta t-‘Te Deum’ bħala innu ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-grazzji li xerred fuqna matul din is-sena 2011 li qed tintemm. Aktar aġġornamenti fil-jiem li ġejjin.
Nawgurawlkom il-kumplament tal-festi t-tajba!
No comments:
Post a Comment