Monday, 23 January 2012

Il-Festa tal-Għerusija tal-Madonna

Nhar is-Sibt 21 ta’ Jannar 2012, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, ġiet iċċelebrata l-Festa devozzjonali tal-Għerusija tal-Madonna ma’ San Ġużepp. Din id-devozzjoni kien bdieha t-twajjeb Franġisk Mercieca, magħruf b’mod popolari bħala ‘Frenċ tal-Għarb’ u baqgħet tinżamm b’għożża kbira matul is-snin.

Il-Kor Nativitas ġie mistieden mir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, sabiex janima l-Ewkaristija ta’ din il-festa li bdiet fis-6.30pm u li kienet immexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Għal din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi: ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (Introjtu), ‘Mulej Ħniena’ (N. Refalo), ‘Gloria in Excelsis Deo’ (T. Lecot arr. Dion Buhagiar), ‘Mulej Ġejna Qrib Artalek’ (Offertorju), ‘Qaddis’ (M. Palmitessa), Ħaruf t’Alla (N. Refalo), ‘Kull Ħin Imbierek Ismu’ (Tqarbin) u ‘Ismagħha l-Għanja’ (innu tal-għeluq). Fi tmiem din il-Quddiesa, tqassmu l-perlini assoċjati ma’ din il-festa.

Is-servizz li jmiss tal-Kor Nativitas huwa skedat għal nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2012 f’Marsalforn fl-okkażjoni tas-Solennita’ tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Il-Quddiesa Konċelebrata tibda fis-6pm.

Monday, 9 January 2012

Is-Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej

Il-Kor Nativitas temm l-impenji tiegħu relatati mal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena billi anima l-Liturġija tas-Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej – il-ġrajja li fiha nfakkru l-wasla tat-tliet Slaten Maġi li marru mill-bogħod biex jaduraw lill-Mulej u joffrulu d-doni tagħhom ta’ deheb, inċens u mirra.

Fid-9.30am, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa Solenni li tmexxiet minn Patri George Attard. Kif inhi t-tradizzjoni antika fil-Knisja, wara l-Qari tal-Evanġelju, tħabbru l-festi li jimxu mal-Għid. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur mużikali u organista, Ivan Attard.

Monday, 2 January 2012

Il-Kor Nativitas jagħlaq is-sena 2011 u jiftaħ is-sena 2012 mal-Komunita’ Franġiskana

Il-Kor Nativitas kompla għaddej b’numru sabiħ ta’ impenji marbuta ma’ żmien il-Milied permezz ta’ aktar servizzi fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.

Nhar is-Sibt 31 ta’ Diċembru, l-Aħħar Jum tas-Sena Ċivili, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa Konċelebrata tas-6.30pm li kienet immexxija mill-W.R. Patri Joseph Xerri OFM Konv., Gwardjan tal-Komunita’, bis-sehem tal-komunita’ Franġiskana. Kif inhi t-tradizzjoni, fi tmiem din il-Quddiesa, ġie kantat it-Te Deum bħala innu ta’ Radd il-Ħajr lil Alla għall-grazzji li sawwab fuqna matul is-sena li qed tintemm.

L-għada l-Ħadd, 1 ta’ Jannar, l-ewwel jum tas-sena l-ġdida 2012, il-Kor Nativitas reġa’ għal darb’oħra anima l-Quddiesa kantata tas-Solennita’ Liturġika ta’ Marija, Omm Alla. Fid-9.15am ingħata bidu għal servizz ta’ kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied segwit minn Quddiesa Konċelebrata fid-9.30am.

L-aħħar impenn tal-Kor għal dan l-istaġun tal-festi tal-Milied ikun nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Jannar 2012, Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej. Fid-9.30am issir Quddiesa Solenni fil-Knisja ta’ San Franġisk. Sadanittant, il-koristi ser ikollhom ikla ta’ dawn il-festi nhar il-Ħamis 5 ta’ Jannar mis-7.00pm ‘il quddiem f’ristorant lokali.

Nieħdu din l-okkażjoni biex nawgurawlkom minn qalbna Sena ġdida mimlija b’kull riżq, hena u barka mis-sema!