Nhar is-Sibt 21 ta’ Jannar 2012, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, ġiet iċċelebrata l-Festa devozzjonali tal-Għerusija tal-Madonna ma’ San Ġużepp. Din id-devozzjoni kien bdieha t-twajjeb Franġisk Mercieca, magħruf b’mod popolari bħala ‘Frenċ tal-Għarb’ u baqgħet tinżamm b’għożża kbira matul is-snin.
Il-Kor Nativitas ġie mistieden mir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, sabiex janima l-Ewkaristija ta’ din il-festa li bdiet fis-6.30pm u li kienet immexxija mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech. Għal din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi: ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (Introjtu), ‘Mulej Ħniena’ (N. Refalo), ‘Gloria in Excelsis Deo’ (T. Lecot arr. Dion Buhagiar), ‘Mulej Ġejna Qrib Artalek’ (Offertorju), ‘Qaddis’ (M. Palmitessa), Ħaruf t’Alla (N. Refalo), ‘Kull Ħin Imbierek Ismu’ (Tqarbin) u ‘Ismagħha l-Għanja’ (innu tal-għeluq). Fi tmiem din il-Quddiesa, tqassmu l-perlini assoċjati ma’ din il-festa.
Is-servizz li jmiss tal-Kor Nativitas huwa skedat għal nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2012 f’Marsalforn fl-okkażjoni tas-Solennita’ tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Il-Quddiesa Konċelebrata tibda fis-6pm.
No comments:
Post a Comment