Nhar is-Sibt 31 ta’ Diċembru, l-Aħħar Jum tas-Sena Ċivili, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa Konċelebrata tas-6.30pm li kienet immexxija mill-W.R. Patri Joseph Xerri OFM Konv., Gwardjan tal-Komunita’, bis-sehem tal-komunita’ Franġiskana. Kif inhi t-tradizzjoni, fi tmiem din il-Quddiesa, ġie kantat it-Te Deum bħala innu ta’ Radd il-Ħajr lil Alla għall-grazzji li sawwab fuqna matul is-sena li qed tintemm.
L-għada l-Ħadd, 1 ta’ Jannar, l-ewwel jum tas-sena l-ġdida 2012, il-Kor Nativitas reġa’ għal darb’oħra anima l-Quddiesa kantata tas-Solennita’ Liturġika ta’ Marija, Omm Alla. Fid-9.15am ingħata bidu għal servizz ta’ kant ta’ għanjiet tradizzjonali tal-Milied segwit minn Quddiesa Konċelebrata fid-9.30am.
L-aħħar impenn tal-Kor għal dan l-istaġun tal-festi tal-Milied ikun nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Jannar 2012, Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej. Fid-9.30am issir Quddiesa Solenni fil-Knisja ta’ San Franġisk. Sadanittant, il-koristi ser ikollhom ikla ta’ dawn il-festi nhar il-Ħamis 5 ta’ Jannar mis-7.00pm ‘il quddiem f’ristorant lokali.
Nieħdu din l-okkażjoni biex nawgurawlkom minn qalbna Sena ġdida mimlija b’kull riżq, hena u barka mis-sema!
No comments:
Post a Comment