Saturday 24 March 2012

Id-Direttur mużikali tal-Kor Nativitas jipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-‘Gozo Organ Festival’

Riċentement, id-Direttur Mużikali tal-Kor Nativitas, Ivan Attard, ipparteċipa fl-ewwel edizzjoni tal-Gozo Organ Festival li ġie organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din l-edizzjoni kienet tikkonsisti f’serje ta’ attivitajiet li saru fi Knejjes differenti bejn il-Ġimgħa 16 u l-Ħadd 18 ta’ Marzu 2012.

Ivan Attard ipparteċipa billi daqq xi xogħlijiet qosra fuq l-orgni tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu u anima l-Quddiesa tal-10.00am ta’ Jum il-Mulej li kienet immexxija mill-W.R. Mons. Joe Bezzina u li kienet imxandra b’mod dirett fuq Radju Marija għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom.

Id-Direttur mużikali tal-Kor Nativitas twieled fl-1989 fix-Xagħra Għawdex. Huwa beda jistudja l-pjanu sa minn eta’ żgħira fejn irnexxielu jakkwista ċ-ċertifikat ta’ Grade 8 f’Solo Piano Performance u Grade 8 fit-Teorija tal-Mużika. F’Jannar 2011, taħt il-gwida ta’ Mro. Joseph Grech, Ivan irnexxielu jakkwista l-Associate Diploma tat-Trinity College of London. Fil-preżent, Ivan huwa l-organista residenti fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fejn janima l-Liturġija fil-Ħdud u anke fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria fejn jieħu ħsieb l-animazzjoni liturġika mużikali fil-festi prinċipali tal-Knisja. Ivan huwa wkoll organista f’diversi Knejjes Għawdxin. Minbarra li jdoqq l-orgni, huwa wkoll bandist mal-Banda Victory tax-Xagħra fejn idoqq it-tenor saxophone u Direttur mużikali tal-Kor Nativitas tal-istess Soċjeta’. Fil-preżent, Ivan qed ikompli japprofondixxi l-istudji mużikali tiegħu billi qed jitgħallem il-vjolin. Ivan Attard jaħdem bħala Assistant Principal mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra.

L-amministrazzjoni tal-Kor Nativitas tixtieq tawgura aktar suċċessi lid-Direttur Ivan Attard A.MusTCL fil-karriera mużikali tiegħu!

No comments:

Post a Comment