Wednesday 21 March 2012

L-impenji tal-Kor Nativitas fil-festi tal-Gimgha Mqaddsa

Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ser ikun impenjat b'għadd sabiħ ta' servizzi relatati maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.

L-ewwel impenn tal-Kor għal dawn il-jiem għeżież ser ikun nhar is-Sibt 31 ta' Marzu 2012 fil-Kunċert ta' Mużika Sagra li ser ittella' l-Banda Victory fil-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta' Marija Bambina mit-8pm 'il quddiem. Il-Kor ser jieħu sehem billi jkanta fil-Preghiera mill-Opera 'Mose' ta' Giacomo Puccini u fl-Innu 'Quddiem Ġesu' Imsallab', kompożizzjoni ta' Mro. Vincenzo Ciappara.

L-impenji tal-Kor fil-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja ta' San Franġisk ikomplu kif ġej:

Il-Ħadd 1 ta' April: Ħadd il-Palm.
9.30am: Tberik tal-Palm u ż-Żebbuġ fuq iz-zuntier tal-Knisja, Purċissjoni bis-Salib Rebbieħ u Quddiesa Konċelebrata li matulha jinqara r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.

Il-Ħamis 5 ta' April: Ħamis ix-Xirka.
6.30pm: Konċelebrazzjoni Solenni li tfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija Mqaddsa u li tinkludi r-Rit tal-Ħasil tar-Riġlejn u t-translazzjoni tas-Santissimu Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni (Is-Sepulkru).

Il-Ġimgħa 6 ta' April: Il-Ġimgħa l-Kbira.
3.00pm: Azzjoni Liturġika li tinkludi l-Qari tar-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.

Is-Sibt 7 ta' April: Sibt il-Għid.
8.00pm: Vġili Solenni tal-Għid il-Kbir - Tberik tan-nar, Tħabbira Solenni tal-Għid, Liturġija tal-Kelma, Kant tal-Glorja, Tberik tal-Ilma, Liturġija tal-Magħmudija u Liturġija Ewkaristika.

Il-Ħadd 8 ta' April: Ħadd il-Għid.
9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni.

Waqt dawn il-funzjonijiet, il-Kor Nativitas ser ikun immexxi u akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur Mużikali tiegħu, Ivan Attard A.MusTCL. Dan is-sit elettroniku tal-Kor Nativitas ser ikompli jwassal rappurtaġġ dettaljat tal-attivitajiet kollha li ser jieħu sehem fihom il-Kor matul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw l-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

No comments:

Post a Comment