Il-kant sublimi tal-Alleluia flimkien mad-daqq
ferrieħi tal-qniepen tal-Knejjes tagħna sellmu lill-għodwa sabiħa tal-Ħadd 8
ta’ April 2012, Jum l-Għid il-Kbir, hekk kif il-Knisja Universali ċċelebrat b’Solennita’
qaddisa l-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet – il-misteru li huwa l-pedament u
ċ-ċentru tal-Fidi Nisranija.
Għall-ħames darba f’temp ta’ ġimgħa, il-membri
tal-Kor Nativitas animaw il-Liturġija
fil-Knisja ta’ San Franġisk waqt Quddiesa Konċelebrata tal-Għid il-Kbir li
kienet immexxija mill-W.R. Patri Eġidju Mizzi OFM Konv u li bdiet fid-9.30am. Għal
din l-okkażjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet sagri relatati ma’ dan
iż-Żmien Qaddis li jfakkar ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt u fuq id-dnub. Permezz
ta’ dan is-servizz, il-Kor temm l-impenji tiegħu marbuta mal-funzjonijiet
tal-Ġimgħa Mqaddsa 2012 u issa jkompli jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu lejn
aktar servizzi li jagħmlu unur lilu u lis-Soċjeta’ Filarmonika Victory li lilha l-Kor jirrapreżenta.
Matul dawn il-funzjonijiet kollha, il-Kor Nativitas kien immexxi u akkumpanjat fuq
l-orgni mid-Direttur tiegħu, l-organista Ivan Attard. Inħeġġukom tibqgħu
aġġornati bis-servizzi li fihom ser jipparteċipa l-Kor fil-ġimgħat u x-xhur li
ġejjin permezz ta’ dan is-sit elettroniku.
No comments:
Post a Comment