Iċ-ċelebrazzjonijiet solenni marbuta mat-Tridu
Mqaddes tal-Għid komplew f’jum il-Ġimgħa l-Kbira permezz tal-Azzjoni Liturġika li, fil-Knisja ta' San Franġisk, bdiet fit-3pm u kienet immexxija minn Patri Ġorġ Attard OFM Konv.
Il-funzjoni liturġika tat-tlieta bdiet bil-Qari
tal-Lezzjonijiet tal-Quddiesa, il-Kant tas-Salm Responsorjali u anke r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej skont
l-Evanġelista San Ġwann. Dan il-qari kien segwit minn omelija qasira flimkien
mat-talbiet ta’ interċessjoni li, waqt din iċ-ċelebrazzjoni, isiru fi stil
differenti minn dak tas-soltu. Il-qofol ta’ din il-funzjoni ntlaħaq permezz
tal-Adorazzjoni tal-Għuda tas-Salib Imqaddes li matulha sar il-kant tal-innijiet
‘O Poplu tiegħi’, 'Fik Kristu l-Maħfra Tagħna' u ‘Ġesu’ tiegħi’. Il-lettur qara wkoll numru ta’ improperji u
salmi adatti għal waqt dan ir-rit sagru. Iċ-ċelebrazzjoni kompliet bit-Tqarbin
Imqaddes li matulu sar il-kant tal-innu ‘O Ġesu’ tal-Akbar Ħniena’ u ntemmet
fis-skiet li jitlob minna dan il-jum qaddis. Il-funzjoni ġiet fi tmiemha fl-4.20pm. Il-Knisja issa tkompli tishar
ħdejn il-qabar tal-Mulej midfun filwaqt li tistenna b’ħerqa kbira l-mument
tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt u d-dnub.
Intant, aktar tard matul il-jum, il-Banda Victory tax-Xagħra ħadet sehem fil-Purċissjoni
tal-Ġimgħa l-Kbira li ħarġet mill-Knisja Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija
Bambina fis-6.00pm u mxiet matul it-toroq 28 ta’ April 1688, San Ġużepp,
Bullara, Jannar u Pjazza l-Vitorja sakemm irritornat lura fil-Knisja
għall-ħabta tad-9.00pm.
L-impenji tal-Kor Nativitas marbuta mal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa jkomplu nhar is-Sibt
7 ta’ April fil-Velja Solenni tal-Għid il-Kbir.
No comments:
Post a Comment