Thursday, 14 June 2012

Il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Victoria sabiex janima l-Quddiesa Solenni f’jum il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li ġiet iċċelebrata nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012. Il-Quddiesa tal-5pm tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u kienet tinkludi l-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi lil Sant’Antnin, il-Qaddis tal-Mirakli.

Il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi fosthom ‘L-Għanja tal-Ħolqien’ (Introjtu), ‘Imbierek Int Mulejja’ (Offertorju), ‘Ġbartna flimkien Mulej’ (Tqarbin) u l-Innu popolari lil Sant’Antnin ta’ Padova (Għeluq) flimkien mal-‘Missa Pastorale’ ta’ Mro. Nazzareno Refalo. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bit-tqassim tal-ħobż tradizzjonali ta’ Sant’Antnin.

Is-servizz li jmiss huwa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012 fit-8.00pm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tal-festa tas-Sejħa tal-Madonna lil Carmela Grima. Il-Pontifikal Solenni ser jitmexxa mill-Arċisqof Emeritus Mons. Ġuzeppi Mercieca fl-okkazjoni tas-60 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

No comments:

Post a Comment