Nhar
il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012, fid-Djoċesi ta’ Għawdex, ġiet iċċelebrata
l-Festa tal-129 Anniversarju mis-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu lil Carmela Grima.
Din it-tifkira li tiġi ċċelebrata kull sena tfakkarna fis-sejħa ‘Ejja... Ejja’ li l-Verġni Marija għamlet lil din ix-xbejba twajba mir-raħal tal-Għarb li kienet iżżur b’mod regolari l-kappella ċkejkna li kien hemm fl-imwarrab f’dawn l-inħawi. Din il-kappella illum ġiet trasformata f’Santwarju Marjan li huwa ċentru nazzjonali ta’ devozzjoni u kult lejn il-Verġni Marija.
Il-Pontifikal Solenni tat-8pm tmexxa mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta, bis-sehem ta’ numru sabiħ ta’ saċerdoti Għawdxin. Mons. Mercieca kien qed irodd ħajr lil Alla u lill-Verġni Marija f’għeluq is-sittin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, sabiex janima din iċ-ċelebrazzjoni. Il-Kor kanta l-Quddiesa Gregorjana ‘Missa De Angelis’ alternata mal-kongregazzjoni flimkien ma’ diversi innijiet liturġiċi oħra.
Is-servizz
li jmiss ser ikun nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fis-Santwarju Nazzjonali
tal-Madonna Ta’ Pinu fejn fil-5.30pm ser tiġi ċċelebrata Quddiesa ta’ Radd
il-Ħajr lil Alla mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar fl-okkażjoni ta’ għeluq
il-Ġublew il-Fidda mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Inħeġġukom tattendu!
No comments:
Post a Comment