Friday, 10 February 2012

Il-Kor Nativitas jagħti servizz fil-Knisja ta’ Marsalforn

Fuq stedina tal-W.R. Kan. Dun Mikiel Borg, Rettur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa Konċelebrata ta’ Lejliet is-Solennita’ Liturġika tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2012.

Il-festa tal-10 ta’ Frar hija waħda mis-Solennitajiet prinċipali fil-Kalendarju liturġiku tal-Knisja Maltija għax tfakkar il-Magħmudija ta’ gżiritna u l-wasla tal-Fidi Nisranija fuq art twelidna. Il-Knisja ta’ Marsalforn hija ddedikata lin-Nawfraġju tal-Appostlu tal-Ġnus f’Malta. Il-Knisja preżenti ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Mikiel Gonzi fit-12 ta’ Settembru 1939. L-istatwa titulari ta’ San Pawl inħadmet mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri fl-1925. Il-kwadru titulari tpitter mill-pittur Malti Giuseppe Bonnici.

Il-Quddiesa ta’ lejliet in-Nawfraġju ta’ San Pawl tmexxiet mir-Rettur ta’ Marsalforn, il-Kan. Dun Mikiel Borg. Fil-5.30pm sar ukoll il-Kant tal-Ewwel Għasar segwit mir-reċita tal-Kurunella u Barka Sagramentali. Matul il-Quddiesa, il-Kor Nativitas esegwixxa bosta innijiet liturġiċi fosthom l-Innu taċ-Ċentinarju Pawlin miktub fl-1960 minn Mro. Joseph Abela Scolaro. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni mill-organista Ivan Attard.

No comments:

Post a Comment