Thursday, 23 February 2012

Il-Kor Nativitas fil-bidu tar-Randan Imqaddes

Nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar 2012, il-Knisja Kattolika tat bidu għal erbgħin jum ta’ talb, sawm u karita’ bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid il-Kbir. Dawn l-erbgħin jum huwa replika tal-erbgħin jum li Ġesu’ għadda fid-deżert fejn kien ittentat mix-xitan.

Il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria sabiex janima ċ-ċelebrazzjoni tal-Erbgħa tal-Irmied fil-Knisja ta’ San Franġisk. Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi ta’ Żmien ir-Randan flimkien mal-‘Quddiesa tal-Poplu t’Alla’. Waqt it-tqegħid tal-irmied li huwa sagramental użat mill-Knisja Kattolika f’Ras ir-Randan, il-Kor kanta l-innu ‘Kollni kemm jien’. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bil-kant tal-innu ‘Lill-Madonna tad-Dmugħ’ b’tifħir lill-Verġni Marija Addolorata.

Il-Kor Nativitas issa jibda l-preparamenti tiegħu għall-Kunċert ta’ mużika Sagra li ser ittella’ s-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-Knisja Bażilika ta’ Marija Bambina nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu u ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa bejn il-Ħadd 1 ta’ April (Ħadd il-Palm) u l-Ħadd 8 ta’ April (L-Għid il-Kbir).

No comments:

Post a Comment