Thursday 17 May 2012

Il-Kor Nativitas b'servizz fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu

Nhar l-Erbgħa 16 ta' Mejju 2012, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu, sabiex janima l-Quddiesa Solenni tat-8pm fl-okkazjoni tat-tielet Erbgħa bi tħejjija spiritwali għas-Solennita' tal-Assunzjoni tal-Verġni Marija. 

Din il-Quddiesa kienet waħda speċjali tant li ġiet ippreseduta mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' diversi saċerdoti Għawdxin. Fuq stedina tal-Kurja Djoċesana, kien hemm ukoll prezenti numru ta' fratellanzi tal-Madonna minn xi parroċċi Għawdxin. Wara li ntemmet il-Quddiesa, Mons. Isqof mexxa t-talba tar-Ruzarju u inawgura l-Konsultorju tal-Familja - ċentru qrib is-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu li ser jibda jintuza biex minnu jingħataw pariri legali, amministrattivi, mediċi, psikoloġiċi u finanzjarji lil dawk il-familji li jkunu f'diffikulta'. 

Fl-omelija tiegħu għal din l-okkazjoni, Mons. Isqof qal li dan il-Konsultorju huwa investiment li qed tagħmel id-Djoċesi ta' Għawdex b'rizq il-familja u huwa zieda mas-servizzi li toffri d-Djoċesi permezz tal-Kummissjoni Familja u strutturi oħra fi ħdanha biex il-familja, li hija l-benniena tas-soċjeta' Maltija, tkompli tissaħħaħ. 

 


No comments:

Post a Comment