Monday 7 May 2012

Il-Kor Nativitas jipparteċipa fil-Festa ta’ San Ġużepp fix-Xagħra

Fuq stedina ta’ Mons. Arċipriet Carmelo Refalo, il-Kor Nativitas għal sena oħra ħa sehem attiv fil-festa devota ta’ San Ġużepp fil-Parroċċa tax-Xagħra.

Id-devozzjoni lejn San Ġużepp fir-raħal tagħna tmur lura għal ħafna snin. Meta fl-1692 il-Parroċċa tax-Xagħra bdiet tiffunzjoni mill-Knisja ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija, missirijietna Xagħrin, b’għaqal kbir, għażlu lil San Ġużepp biex ikun il-Kon-Patrun tal-Parroċċa. Għalhekk, id f’id ma’ Marija Bambina, San Ġużepp iħares il-Parroċċa tagħna minn kull għawġ. Id-devozzjoni lejn dan il-Qaddis kompliet tissaħħaħ meta fl-1879, sitt snin biss wara l-miġja tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina, waslet fostna l-istatwa artistika ta’ San Ġużepp maħduma għand id-ditta rinomata Galard et Fils ta’ Marsilja fi Franza. Din l-istatwa qanqlet fervur qaddis l-aktar minħabba l-ħlewwa li l-iskultur irnexxielu joħloq fil-figura ta’ San Ġużepp u tat-tfajjel Ġesu’. Għal xi żmien, il-festa parrokkjali ta’ San Ġużepp kienet tiġi ċċelebrata fl-Ottava tal-Għid pero’, peress li l-Liturġija għandha restrizzjonijiet kbar marbuta ma’ din l-Ottava, il-festa ġiet trasferita għall-ewwel Ħadd ta’ Mejju.

It-Tridu Solenni ta’ San Ġużepp beda nhar l-Erbgħa 2 u ntemm nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012. Iċ-ċelebranti kienu l-Arċipriet Emeritus Mons. Ewkaristiku Sultana, Mons. Anton Refalo Zammit u Mons. George Farrugia rispettivament filwaqt li l-omeliji mimlija tagħlim attwali dwar San Ġużepp saru minn Patri Ugolin Xerri li huwa membru assidwu tal-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Waqt il-Quddies tat-Tridu, ġew esegwiti bosta innijiet liturġiċi mill-Kor Nativitas bis-sehem sħiħ tal-assemblea li nġabret biex tipparteċipa f’din il-festa Ġużeppina. Kull Quddiesa kienet tiġi fi tmiemha bil-Kant tal-Antifona Exsurgens Josef (mużika ta’ Mro. Nazzareno Refalo), Barka Sagramentali u l-Kant tal-Innu popolari ‘Lil San Ġużepp, Kon-Patrun tax-Xagħra’ (mużika ta’ Mro. Mikiel Farrugia).

Il-Kor Nativitas kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Bażilika mid-Direttur tiegħu, l-organista Ivan Attard.

No comments:

Post a Comment