Wednesday, 9 May 2012

Il-Kor Nativitas janima l-funeral ta’ Ewkaristiku Sultana (1940 - 2012)

Fuq xewqa tal-familjari tiegħu, il-Kor Nativitas ġie mistieden sabiex janima l-Quddiesa tal-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku Sultana li għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-eta’ ta’ 71 sena. Mart Ewkaristiku, Ġuża, hija waħda mill-koristi regolari tal-Kor tagħna.

Il-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku sar nhar it-Tlieta 8 ta’ Mejju. Il-Quddiesa, li bdiet fil-5pm, kienet immexxija mill-W.R. Kan. Dun Ġużepp Cini bis-sehem ta’ diversi saċerdoti mill-Parroċċa tax-Xagħra u anke minn barra r-raħal. Waqt il-Quddiesa, il-Kor esegwixxa diversi innijiet reliġjużi adattati għal din l-okkażjoni. Flimkien mal-Kor Nativitas ħadet sehem ukoll is-Sopran Rita Dimech li interpretat l-innijiet Pie Jesu’ fl-Offertorju, Ave Verum Corpus fit-Tqarbin u Ħa Nersqu LejH waqt il-bews tal-Kurċifiss fuq it-tebut.

Il-Quddiesa kienet segwita mill-aħħar korteo lejn iċ-ċimiterju parrokkjali tax-Xagħra fejn saret id-difna fil-qabar tal-familja.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu,
jistrieħ fil-paċi. Amen!

No comments:

Post a Comment