Thursday, 16 June 2011

Il-Kor Nativitas fil-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Fl-okkazjoni tal-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova iccelebrata fil-Knisja tal-Patrijiet Frangiskani Konventwali tal-Belt Victoria nhar it-Tlieta 14 ta’ Gunju, il-Kor Nativitas gie mistieden janima l-Quddiesa tal-5.00pm.

Din ic-celebrazzjoni tmexxiet minn Patri Peter Paul Cachia O.S.A. u kienet bis-sehem tat-tfal. Infatti, fi tmiem din l-Ewkaristija, sar it-tberik u l-prezentazzjoni tat-tfal lil Sant’Antnin u t-tqassim tradizzjonali tal-hobz marbut ma’ din il-festa. Ic-celebrazzjoni ntemmet bil-Kant tal-Innu popolari ‘O tal-Mirakli’ u l-bews tar-Relikwija tal-Qaddis.

Sunday, 5 June 2011

Il-Kor Nativitas jiehu sehem f’Celebrazzjoni ta’ Radd il-Hajr lil Alla

Nhar il-Hadd 29 ta’ Mejju 2011, il-Kor Nativitas gie mistieden mill-Komunita’ tas-Sorijiet Dumnikani ta’ Pompej fil-Belt Victoria sabiex janima Quddiesa ta’ Ringrazzjament lil Alla fl-okkazjoni tal-Hamsin Anniversarju mill-Professjoni Solenni ta’ zewg sorijiet Dumnikani. Wahda minn dawn is-sorijiet, Sr. Rachele, qed taqdi l-missjoni taghha skont il-karizma Dumnikana fil-Missjoni tal-Pakistan.

Ic-celebrazzjoni tal-Quddiesa bdiet fl-4.00pm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej u kienet ippreseduta mill-W.R. Kan. Dun Edward Vella flimkien ma’ sitt sacerdoti ohra. L-innijiet li gew esegwiti waqt din ic-celebrazzjoni kienu: ‘Radd il-Hajr lilek naghtu Mulej’ (Introjtu), ‘Tkun Imbierek Mulej’ (Offertorju), ‘Sibt Tezor’ (Tqarbin) u l-Innu popolari lill-Madonna ta’ Pompej (Gheluq). Giet ukoll kantata l-Quddiesa Gregorjana Missa De Angelis alternata mal-kongregazzjoni numeruza li ngabret ghal din l-okkazjoni.

Wara li ntemmet il-Quddiesa, sar riceviment zghir tal-okkazjoni fil-Kunvent tad-Dumnikani. Is-servizzi tal-KorNativitas ikompli matul ix-xahar ta’ Gunju 2011. Inheggukom sabiex tkomplu zzommu rwiehkom aggornati bl-attivitajiet taghna.

L-Anniversarju tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja Bazilika ta’ Marija Bambina fix-Xaghra


Nhar il-Hamis 26 ta’ Mejju 2011, il-komunita’ Parrokkjali tax-Xaghra fakkret b’mod solenni l-133 Anniversarju mid-Dedikazzjoni tal-Knisja Kolleggjata u Bazilika ta’ Marija Bambina. Il-Kor Nativitas gie mistieden sabiex janima l-Koncelebrazzjoni Solenni li fakkret dan l-anniversarju importanti u li bdiet fis-7.30pm.

Il-Quddiesa Solenni tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo assistit minn rapprezentanza tal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-istess Kolleggjata. Fost l-innijiet li gew esegwiti, wiehed ta’ min isemmi ‘Kemm toghgobni d-dar tieghek’ (Introjtu), ‘Imbierek int Mulejja’ (Offertorju), ‘Gbartna flimkien Mulej’ (Tqarbin) u ‘Nadurawk ja Hobz tas-Sema’ fi tmiem il-Quddiesa u bhala ftuh tal-Adorazzjoni Ewkaristika b’talb ghall-Vokazzjonijiet Sacerdotali, Religjuzi u Missjunarji. Tkantat ukoll il-Missa De Angelis (Gregorjana) bis-sehem tal-poplu.

L-appuntament li jmiss huwa ghal nhar il-Hadd, 29 ta’ Mejju 2011. Dakinhar, fl-4.00pm, il-KorNativitas ser janima Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Hajr lil Alla f’gheluq il-50 Anniversarju mill-Professjoni Solenni ta’ Soru dumnikana Ghawdxija li qed twettaq xoghol ta’ appostolat fil-Missjoni tal-Pakistan. Din ic-celebrazzjoni ser tinzamm fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej fil-Belt Victoria. Inheggu lil kulhadd sabiex jattendi halli naqsmu flimkien il-ferh ta’ din l-okkazjoni.

Tuesday, 24 May 2011

Il-Kor janima l-funeral ta’ Maria Cini (1934-2011)

Nhar it-Tlieta 24 ta’ Mejju 2011, il-komunita’ parrokkjali tax-Xaghra tat l-ahhar tislima lil Maria Cini, mart is-Sur Michael Cini li ghal diversi snin okkupa l-kariga ta’ President tas-Socjeta’ Filarmonika Victory. Is-Sur Cini huwa wkoll il-fundatur tal-Kor Nativitas, President Onorarju u benefattur kbir tal-Banda Victory. Kien jixraq ghalhekk li, fuq xewqa tal-familja Cini, il-Kor Nativitas anima l-Quddiesa tal-funeral ta’ din ohtna.

Il-korteo funebri telaq mill-Isptar Generali ta’ Ghawdex fl-4.30pm fejn intlaqa’ fi Vjal it-Tmienja ta’ Settembru minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u rapprezentanza tal-W.R. Kapitlu u Kleru tal-Kolleggjata ta’ Marija Bambina. Delegazzjoni mill-Kor Nativitas imxiet wara t-tebut bil-fdalijiet ta’ ohtna Marija sal-Knisja Bazilika. Il-Koncelebrazzjoni praesente cadavere tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u bdiet fil-5pm. Waqt il-Quddiesa, il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturgici fosthom ‘Diehla go Qalbi’ (Introjtu), ‘Mulej lejk nghollu’ (Offertorju) u l-Missa Pro Defunctis (Gregorjana). Waqt it-tqarbin u fir-riti tat-tislima tal-ahhar, hadet sehem is-Sopran Rita Dimech fuq xewqa tal-familja Cini. Il-Quddiesa kienet segwita minn korteo lejn ic-cimiterju parrokkjali tax-Xaghra fejn saret id-difna.

AGHTIHA O MULEJ IL-MISTRIEH TA’ DEJJEM,
ID-DAWL TA’ DEJJEM JIDDI LILHA, TISTRIEH FIL-PACI. AMEN!

Il-Kor Nativitas jiehu sehem fil-Festa Sekondarja ta’ San Guzepp fix-Xaghra

Bejn l-Erbgha 18 u l-Hadd 22 ta’ Mejju 2011, il-Parrocca tax-Xaghra iccelebrat b’Solennita’ lil San Guzepp, ir-Ragel Gust tal-Vergni Marija u l-Patrun tal-Knisja Universali. Normalment, din il-festa tigi ccelebrata fl-Ewwel Hadd ta’ Mejju izda peress li din is-sena l-festi tal-Ghid gew tard, din il-festa giet trasferita ghall-Hadd 22 ta’ Mejju.

Din is-sena, il-Kor Nativitas zied il-partecipazzjoni tieghu f’din il-festa ghaziza ghax-Xaghrin kollha tant li anima t-Tridu kollu adunur ta’ San Guzepp li gie iccelebrat bejn l-Erbgha 18 u l-Gimgha 20 ta’ Mejju. Il-Koncelebrazzjoni Solenni bil-prietka tat-Tridu tmexxiet minn tliet sacerdoti differenti: Mons. Guzepp Cauchi, Dun Joseph Bajada u l-Kan. Dun Joe Cardona rispettivament. Ghal dan it-Tridu Solenni gew mistiedna t-tfal u l-istudenti Xaghrin li din is-sena ser jircievu s-Sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Grizma tal-Isqof flimkien mal-familjari u l-katekisti taghhom. Dawk kollha li attendew ghal dan it-Tridu kellhom l-opportunita’ li jisimghu katekezi mill-isbah dwar il-virtujiet li bihom kien imzejjen San Guzepp fil-hajja tieghu bhala l-Kap tal-Familja Mqaddsa u l-Missier putattiv ta’ Gesu’. Ic-celebrazzjoni tat-Tridu kienet tigi fi tmiemha bil-Kant tal-Antifona Exsurgens Josef, l-ghoti tal-Barka Sagramentali u l-Kant tal-Innu popolari ‘Lil San Guzepp’, kompozizzjoni ta’ Mro. Mikiel Farrugia.

Matul dawn il-jiem ta’ festa Guzeppina, il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet liturgici biex kompla sebbah ic-celebrazzjonijiet li saru fil-Knisja Bazilika. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni tal-Bazilika mid-Direttur tieghu, is-Sur Ivan Attard A.MusTCL.

Thursday, 5 May 2011

Il-Kor Nativitas jiftah l-Erbghat tal-Assunta


Nhar l-Erbgha 4 ta' Mejju 2011, id-Djocesi ta' Ghawdex tat bidu ghad-devozzjoni popolari tal-hmistax-il Erbgha bi thejjija spiritwali ghas-Solennita' tat-Tlugh fis-Sema tal-Vergni Marija li ta' kull sena niccelebraw nhar il-15 ta' Awwissu. Din id-devozzjoni hija mizmuma bl-akbar ghozza fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu fejn jinsab il-Kwadru titulari mirakoluz li juri l-grajja tal-Assunzjoni u li kien il-protagonist meta l-Vergni Marija kellmet lix-xbejba Ghawdxija, Karmni Grima, fl-1883.

Ghal sena ohra, ir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, ghamel stedina lill-Kor Nativitas sabiex janima l-Quddiesa Solenni tal-5.30pm li matul dawn l-Erbghat tkun imxandra dirett fuq Radju Marija ghall-beneficcju tal-morda u l-anzjani fi djarhom. B'dan il-mod, il-Kor fetah dawn l-impenji tieghu tal-Erbghat ghal din is-sena. Din il-Quddiesa, li nhar l-Erbgha kienet immexxija mir-Rettur innifsu, tinkludi meditazzjonijiet qosra dwar id-devozzjoni li l-Beatu Papa Gwanni Pawlu II kellu lejn il-Madonna. Kienu bosta l-familji / individwi li kienu prezenti ghal din ic-celebrazzjoni li issa tibqa' tirrepeti ruhha bl-istess programm matul l-erbatax-il Erbgha li gejjin sas-Solennita' tal-Assunta.


Wednesday, 4 May 2011

Il-Kor Nativitas jippartecipa fic-celebrazzjonijiet ta' Jum ix-Xaghra

Ta' kull sena, il-Kunsill Lokali Xaghra jorganizza diversi attivitajiet biex jikkommemora l-Anniversarju mit-Twaqqif tal-Parrocca tax-Xaghra, liema grajja storika sehhet nhar it-28 ta' April 1688 mill-Isqof Davide Cocco Palmeri. Il-Kor Nativitas flimkien mas-Socjeta' Filarmonika Victory tax-Xaghra kellhom sehem vast f'dawn il-festi li saru matul il-gimgha li ghaddiet.

Nhar il-Hamis 28 ta' April, il-jum propju ta' dan l-Anniversarju, saret Quddiesa Koncelebrata fil-Knisja Bazilika ta' Marija Bambina li matulha il-komunita' parrokkjali tax-Xaghra raddet hajr lil Alla ghall-grazzja imsawba matul din il-medda ta' snin. Il-Koncelebrazzjoni tmexxiet minn Mons. Arcipriet Carmelo Refalo u kienet animata mill-Kor Nativitas akkumpanjat fuq l-orgni mid-Direttur tieghu, Ivan Attard A.MusTCL. Immedjatament wara li ntemmet din ic-celebrazzjoni, fis-sala 'Dun Alwig Camilleri' fil-Kazin tal-Banda Victory, saret l-inawgurazzjoni ufficjali ta' esebizzjoni interessanti li ikkonsistiet f'200 ritratt marbuta mal-istorja tal-isports fix-Xaghra. Prezenti ghal din ic-cerimonja kien hemm numru sabih ta' koristi, membri mill-Kumitat Centrali tas-Socjeta', is-Sindku Joe Cordina u l-Kunsilliera flimkien mal-Arcipriet u rapprezentanza tal-Kapitlu Kolleggjali tax-Xaghra.

Is-Sibt 30 ta' April, il-Kunsill Lokali Xaghra organizza serata kulturali f'Misrah il-Vitorja li matulha gie moghti l-unur 'Gieh ix-Xaghra 2011' lis-Sur Vincent Vella ghall-hidma tieghu f'diversi ghaqdiet socjali tal-Parrocca fosthom anke bhala Kaxxier fil-Kumitat tal-Banda Victory fl-1996-1997. Il-Banda Victory, immexxija mis-Surmast Mro. Joe Galea LCM, daqqet diversi siltiet muzikali matul din il-lejla kulturali. Il-Kor Nativitas ippartecipa wkoll f'dan il-programm billi kanta flimkien mal-Banda s-silta 'Amigos Para Sempre', muzika ta' Andrew Lloyd Webber (arrangament tas-Surmast Joe Galea).

Nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali Xaghra li ghogobhom jistednuna sabiex niehdu sehem f'dawn l-attivitajiet ta' Jum ix-Xaghra.

Is-servizzi tal-Kor Nativitas ikomplu ghaddejjin hekk kif nhar l-Erbgha 4 ta' Mejju, l-Ewwel Erbgha bi thejjija ghas-Solennita' tal-Assunzjoni tal-Vergni Marija, il-Kor janima l-Kant waqt il-Quddiesa Solenni tal-5.30pm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu. Din ic-celebrazzjoni tal-Ewkaristija tkun imxandra live fuq Radju Marija. Il-Kor jibqa' jaghti dan is-servizz matul il-hmistax-il Erbgha tal-Assunta u jippartecipa wkoll fil-Velja ta' Santa Marija li ser tinzamm nhar il-Hadd 14 ta' Awwissu mit-8.30pm 'il quddiem. Aktar dettalji u aggornamenti naghtuhom fil-jiem li gejjin.

Monday, 25 April 2011

Il-Kor Nativitas jaqsam il-ferh tal-Ghid mal-Komunita’ tal-Frangiskani fil-Belt Victoria

Funzjoni solenni li damet xejn anqas minn saghtejn ikkaratterizzat il-Lejl Qaddis tal-Ghid fil-Knisja ta’ San Frangisk fil-Belt Victoria. Dan huwa l-lejl tal-iljieli; l-aqwa wiehed fost l-iljieli kollha tas-sena ghax fih niccelebraw l-akbar festa li ghandha l-Knisja Kattolika: il-Qawmien ta’ Sidna Gesu’ Kristu u r-rebha qawwija li kiseb fuq l-ghadu, id-dnub u l-mewt!

Hija funzjoni mill-aktar elaborata tant li tista’ titqies bhala l-itwal u l-aktar celebrazzjoni liturgikament rikka li ghandha l-Knisja. Il-funzjoni bdiet bit-tberik tan-nar il-gdid li thejja fuq iz-zuntier tal-Knisja u l-mixeghla u l-intronizzazzjoni tal-Blandun li huwa simbolu ta’ Kristu Rxoxt. Sar il-Kant Solenni tat-Thabbira tal-Ghid minn Patri Egidio Mizzi OFM Konv., segwit mill-qari ta’ seba’ lezzjonijiet mit-Testment il-Qadim. F’dan il-mument, il-Kor Nativitas kanta r-ritornelli tas-salmi responsorjali. Immedjatament wara l-Qari ta’ dawn il-Lezzjonijiet, sar il-Kant tal-‘Gloria in Excelsis Deo’ filwaqt li l-qniepen tal-knisja, li kienu ilhom siekta minn nhar il-Hamis filghaxija, hallew ilsienhom u daqqew mota ta’ ferh li dwiet mal-belt kollha. Il-Quddiesa tkompliet bil-Liturgija tal-Ewkaristija. Il-Kor interpreta numru sabiha ta’ innijiet liturgici marbuta ma’ kull rit li sar waqt din il-Koncelebrazzjoni tal-Lejl tal-Ghid.

Minn qalbna, nirringrazzjaw lill-koristi kollha ghall-impenn u d-dedikazzjoni taghhom matul dawn il-funzjonijiet sbieh tal-Gimgha Mqaddsa. Nghidu grazzi wkoll lill-Komunita' tal-Frangiskani ghall-istedina li ghogobhom jaghmlulna.

Matul dawn il-funzjonijiet kollha, il-Kor Nativitas kien akkumpanjat fuq l-orgni u mmexxi mid-Direttur tieghu, is-Sur Ivan Attard A.MusTCL.

Is-servizzi li jmiss ghall-Kor Nativitas huma dawn:

Il-Hamis 28 ta’ April 2011: Tifkira tat-323 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Parrocca tax-Xaghra.

7.00pm: Quddiesa Koncelebrata fil-Knisja Kolleggjata-Bazilika ta’ Marija Bambina.

Is-Sibt 30 ta’ April 2011: Jum ix-Xaghra.

8.00pm: Programm ta’ tifkira f’Misrah il-Vitorja organizzat mill-Kunsill Lokali Xaghra. Il-Banda Victory u l-Kor Nativitas ser jippartecipaw f’dan il-programm billi jipprezentaw diversi siltiet muzikali.

Il-Hadd 1 ta’ Mejju 2011: Jum il-Festa tal-Hniena Divina.

5.00pm: Quddiesa kantata b’messagg dwar il-Hniena Divina fil-Knisja ta’ San Frangisk (Belt Victoria).

L-Erbgha 4 ta’ Mejju 2011: L-Ewwel Erbgha ta’ Santa Marija.

5.30pm: Quddiesa kantata bl-omelija tal-Erbghat fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fl-Gharb.

Bhalma gara fis-snin l-imghoddija, il-Kor Nativitas ser izomm l-appuntament tieghu f’dawn l-Erbghat tal-Madonna billi janima l-Quddiesa Solenni tal-5.30pm li tkun imxandra wkoll fuq Radju Marija. Il-qofol ta’ dawn l-Erbgha jintlahaq nhar il-Hadd 14 ta’ Awwissu, Lejliet is-Solennita’ tal-Assunzjoni tal-Vergni Marija bic-celebrazzjoni tal-Vgili tal-Ghid tal-Assunta. Dan is-sit elettroniku jkompli jaggornakom dwar is-servizzi tal-Kor minn gimgha ghal ohra.

Grazzi tal-interess taghkom fl-attivitaijiet li norganizzaw.

Saturday, 23 April 2011

Il-Kor Nativitas fil-Funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib Imqaddes

Il-Gimgha 22 ta’ April 2011 – Jum il-Gimgha l-Kbira. Il-Knisja fakkret bl-aktar mod dinjituz il-Passjoni u l-Mewt Glorjuza tal-Mulej. Skont drawwa antika fil-Knisja, illum ma tigi ccelebrata l-ebda Quddiesa. L-altar ikun imnezza minn kollox, minghajr Salib, minghajr kandlieri u minghajr tvalji. It-tabernaklu jkun vojt ghal kollox peress li l-Ewkaristija tkun tinsab ghall-qima tal-insara fl-Altar tar-Repozizzjoni.

L-unika celebrazzjoni li tigi ccelebrata f’dan il-jum hija l-Azzjoni Liturgika tal-Adorazzjoni tas-Salib li tinkludi l-Liturgija tal-Kelma (zewg lezzjonijiet u r-Rakkont tal-Passjoni tal-Mulej), it-Talba tal-Fidili Solenni, l-Adorazzjoni u l-bews tas-Salib Imqaddes u r-rit tat-Tqarbin Imqaddes. Fil-Knisja ta’ San Frangisk, din ic-celebrazzjoni tmexxiet mill-Gwardjan Patri George Attard OFM Konv. u bdiet fil-hin propju taghha, jigifieri fit-3pm.

Il-Kor Nativitas zamm l-appuntament tieghu u anima din il-Liturgija Solenni. L-innijiet li tkantaw kienu ftit peress li llum l-istrumenti muzikali huma siekta b’sinjal ta’ qima lejn Kristu mejjet. Waqt l-Adorazzjoni tas-Salib gie kantat l-innu ‘Poplu tieghi’ u waqt it-Tqarbin tkanta l-innu ‘O Gesu’ tal-Akbar Hniena’. Din il-Liturgija sublimi tikkumplimenta l-karattru solenni ta’ dawn il-jiem u tipprepara lil kulhadd ghas-sahra ta’ stennija biex tasal fil-milja taghha l-weghda tal-Mulej Gesu’ – “fit-tielet jum inqum”.

Aktar tard wara nofsinhar, il-Banda Victory tax-Xaghra akkumpanjat il-Purcissjoni-Pageant bl-istatwi tal-Passjoni li harget mill-Knisja Kolleggjata u Bazilika ta’ Marija Bambina u daret mat-toroq ewlenin tal-Parrocca. Waqt din il-purcissjoni, il-Banda esegwiet diversi marci funebri ta’ surmastrijiet popolari. Il-purcissjoni irritornat lura fil-Bazilika ghall-habta tad-9pm.

Il-qofol ta’ dawn is-servizzi jintlahaq nhar is-Sibt 23 ta’ April 2011 bil-Velja Solenni ta’ Sibt il-Ghid. Fil-Knisja ta’ San Frangisk, din ic-celebrazzjoni tibda fit-8pm.

Friday, 22 April 2011

Il-Kor Nativitas janima l-Funzjoni ta’ Hamis ix-Xirka

Nhar il-Hamis 21 ta’ April 2011, il-Knisja Kattolika tat bidu ghat-Tridu Mqaddes tal-Ghid bic-celebrazzjoni tat-Tifkira tat-Twaqqif tal-Ewkaristija Mqaddsa u s-Sacerdozju Ministerjali. Il-Quddiesa Solenni ta’ filghaxija hija l-unika Quddiesa li tigi ccelebrata fil-Knejjes tad-dinja f’jum il-Hamis ix-Xirka. Dan peress li filghodu tigi ccelebrata Quddiesa wahda biss f’kull Djocesi – din il-Quddiesa Pontifikali titmexxa fil-Katidral tad-Djocesi mill-Isqof tal-post u tinkludi t-tberik u l-konsagrazzjoni taz-Zjut Imqaddsa u t-tigdid tal-weghdiet Sacerdotali. Filghaxija, issir il-Quddiesa li tfakkar l-Ahhar Ikla tal-Mulej u li tinkludi, fost hwejjeg ohra, ir-rit tal-hasil tar-riglejn li jissimbolizza dak li ghamel il-Mulej Gesu’ f’din l-ahhar cena tieghu biex juri lil kulhadd li hu ‘gie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jaghti hajtu b’fidwa ghall-kotra’.

Il-Kor Nativitas ta s-servizz tieghu waqt ic-celebrazzjoni ta’ Hamis ix-Xirka fil-Knisja ta’ San Frangisk (Belt Vittorja). Il-Koncelebrazzjoni Solenni bdiet fil-5.30pm u kienet ippreseduta mill-W.R. Patri George Attard OFM Konv., Gwardjan tal-Komunita’, bis-sehem shih tal-komunita’ tal-Patrijiet Frangiskani li jaghtu s-servizz taghhom f’din il-Knisja u numru sabih ta’ nies. Waqt din ic-celebrazzjoni giet esegwita l-Missa De Angelis (Gregorjana) bis-sehem tal-poplu u diversi innijiet liturgici fosthom ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (Introjtu), ‘Fejn l-Imhabba tkun’ (waqt ir-rit tal-hasil tar-riglejn), ‘Fejn issib l-Imhabba u l-Ghozza’ (Offertorju) u ‘Waslet is-Siegha’ (Tqarbin). Fi tmiem il-Koncelebrazzjoni, saret it-Translazzjoni Solenni tas-Santissimu Sagrament mill-Altar Maggur ghall-Altar tar-Repozizzjoni fejn jibqa’ ghall-venerazzjoni tal-insara sal-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib f’jum il-Gimgha l-Kbira. Kif inhu preskritt fil-Liturgija, waqt li saret din il-purcissjoni bl-Ewkaristija, gie kantat l-innu sublimi ‘Aghti Lsien l-oghla fohrija’.

Fi tmiem ic-celebrazzjoni, Patri Gwardjan ghamel vizta lil Gesu’ Sagramentat u hekk inghata bidu ghall-vizti tradizzjonali ‘tas-Sepulkru’ b’mijiet ta’ nies li honqu l-Knisja ta’ San Frangisk u knejjes ohra li baqghu miftuha sa nofs il-lejl ghall-beneficcju ta’ kulhadd. Il-Kor Nativitas ikompli ghaddej bis-servizzi tieghu matul il-jiem bl-animazzjoni tal-Funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib nhar il-Gimgha 22 ta’ April 2011 fit-3pm.