Nhar it-Tnejn 22 ta’ Novembru 2010, il-Qdusija tiegħu Papa Benedittu XVI innomina lil Patri Joe Bonello OFM (Provinċja Franġiskana San Pawl Appostlu - Malta) bħala Isqof Koadjutur tad-djoċesi ta’ Juticalpa, Olancho, fil-Ħonduras.
Patri Joe Bonello OFM twieled ix-Xagħra, Għawdex, nhar l-4 t’April 1961, it-tielet minn erbat itfal tal-mibkija Victor u Nazzarena Sultana. Beda n-Novizzjat tiegħu mal-Patrijiet Franġiskani (OFM) fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem, nhar it-2 t’Ottubru 1977. Għamel il-Professjoni temporanja nhar l-1 t’Ottubru 1978 u dik Solenni nhar it-28 t’Awissu 1983 fil-Knisja ddedikata lil Marija Bambina, ix-Xaghra. Wara li ġie ordnat Djaknu nhar id-29 ta’ Ġunju 1984 huwa kien ordnat saċerdot mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Ġużeppi Mercieca nhar is-7 ta’ Lulju 1985 fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.
Patri Joe għamel l-istudji tiegħu fl-iskola Primarja tax-Xagħra, fl-iskejjel Sekondarji tax-Xagħra, Victoria u l-Ħamrun. Studja l-Filosofija u t-Tejoloġija fl-INSERM (Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar-Reliġjużi Maltin).
Immedjatament wara l-ordinazzjoni saċerdotali wettaq il-ministeru tiegħu bħala Promotur Provinċjali tal-Vokazzjonjiet u Mastru tal-Postulanti. F’dan iż-żmien ukoll kien Definitur Provinċjali tal-Provinċja Franġiskana Maltija San Pawl Appostlu.
Minn Settembru 1989 huwa qeda l-ministeru tiegħu bħala missjunarju fl-Amerika Ċentrali, fil-parroċċa ta’ Santa Ana de La Libertad fid-Djoċesi ta’ Comayagua. Sar Kappillan ta’ din il-parroċċa wara tliet snin bħala Viċi. Fil-ġranet li ġejjin ser jitlaq lejn Olancho fid-Djoċesi ta’ Juticalpa fejn ġie maħtur bħala Isqof Koadjutur. F’din id-Djoċesi hemm ukoll Patri Albert Gauci OFM mill-Għargħur.
Matul dan iż–żmien fil-Missjoni huwa kien maħtur għal tliet darbiet bħala Kunsillier għall-Amerika Ċentrali tal-Fundazzjoni tal-Provinċja Franġiskana tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ New York. Nhar it-13 ta’ Novembru 2009 ġie nominat Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Comayagua mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Robert Camilleri OFM, Isqof ta’ Comayagua. Ta’ min jinnota li l-Isqof Camilleri kien l-ewwel Franġiskan li miegħu Patri Joe beda l-mixja vokazzjonali tiegħu, flimkien ma’ oħrajn, waqt laqgħat organizzati fil-Kunvent li l-Patrijiet Frangiskani għandhom f’Għajnsielem, Għawdex. L-Isqof Camilleri kien ukoll is-Surmast tan-Novizzjat meta Patri Joe kien novizz fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għawdex, kif ukoll wieħed mill-ewwel sħab li magħhom ħadem fil-missjoni flimkien ma’ Patri Angelo Falzon OFM.
Patri Joseph iddedika l-ħajja saċerdotali tiegħu għall-qadi tal-fidili fil-mixja tal-fidi tagħhom. Ħadem bla heda, b’mod sempliċi u konkret, b’risq id-dinjità tal-bniedem billi kien jippromwovi l-edukazzjoni, l-arti u l-formazzjoni fil-qasam tax-xogħol għaliex dejjem emmen u ħadem sabiex is-soċjetà tkun aktar umana u b’hekk tkun tista’ ssir aktar Nisranija.
Għażel bħala motto tiegħu l-frażi “Patientia Omnia Potest” (Is-sabar jista’ kollox), għaliex il-ħajja tgħallem li s-sabar huwa l-ogħla virtù biex twettaq il-ġid u tittama li tkun aħjar: “Xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (2Tim 4,2).
Is-Socjeta' Filarmonika Victory u l-Kor Nativitas isellmu lil dan huna, iben il-Parrocca tax-Xaghra, u jawgurawlu AD MULTOS ANNOS fil-Jum tal-Hatra tieghu bhala Isqof fil-Honduras. Huwa dover taghna li nakkumpanjaw lill-Isqof Joe Bonello bit-talb taghna sal-jum li fih jircievi l-Ordinazzjoni Episkopali u jigi mlibbes bl-insinji veskovili li huma c-curkett, il-mitra u l-baklu. ECCE SACERDOS MAGNUS!