Saturday, 17 October 2009

Il-Kor Nativitas jiehu sehem fil-Festa ta' Gesu' Nazzarenu

Nhar il-Hamis 15 ta’ Ottubru, il-komunita’ ta’ Gesu’ Nazzarenu fix-Xaghra tat bidu ghat-Tridu Ewkaristiku bi thejjija ghas-Solennita’ ta’ Kristu Sultan tal-Holqien kollu li ser tigi ccelebrata nhar il-Hadd 18 ta’ Ottubru fit-tifkira ta’ l-ewwel centinarju mit-tberik ta’ l-istess knisja f’dawk l-inhawi.

Minbarra l-Knisja Parrokkjali ddedikata lit-Twelid tal-Vergni Mqaddsa Marija, fix-Xaghra wiehed jista’ jsib tliet knejjes filjali – wahda ddedikata lil Sant’Anton Abbati (liema knisja serviet bhala wahda parrokkjali bejn is-sena 1688 u l-1692), il-knisja tal-Konverzjoni ta’ San Pawl fl-inhawi ta’ Marsalforn u l-Knisja ta’ Gesu’ Nazzarenu li tbierket fis-sena 1909 u giet ikkonsagrata nhar il-15 ta’ Novembru, 1931. Il-Knisja tan-Nazzarenu tista’ tiftahar b’bosta opri ta’ arti, ewlieni fosthom il-Kwadru titulari li juri lil Kristu nkurunat fix-xewk fil-glorja tieghU, liema kwadru tpitter mill-artist Malti, Lazzaro Pisani. Fil-prezent, il-komunita’ ta’ Gesu’ Nazzarenu hija fdata fil-kura pastorali tar-Rettur il-Kan. Dun Anton Refalo Rapa.

Il-Kor Nativitas ilu ghal diversi snin jigi mistieden b’mod regolari sabiex jippartecipa f’din il-festa billi janima l-Quddiesa ta’ l-Ewwel Jum tal-Kwaranturi. Din is-sena, din il-Quddiesa saret fil-15 ta’ Ottubru – tifkira liturgika ta’ Santa Tereza ta’ Avila, Vergni u Duttur tal-Knisja. Il-festa ta’ din is-sena hija wahda specjali ghall-fatt li ninsabu fis-Sena Sacerdotali, imnedija mill-Q.T. Papa Benedittu XVI nhar id-19 ta’ Gunju li ghadda, u anke minhabba li f’dawn il-jiem infetah b’mod solenni l-Kungress Ewkaristiku Djocesan li ser jinzamm fid-Djocesi ta’ Ghawdex fl-okkazjoni ta’ gheluq it-80 Anniversarju minn meta sar l-ewwel Kungress ta’ din ix-xorta fil-gzira taghna u biex jiggedded l-impenn ta’ kull nisrani Ghawdxi favur il-Jum tal-Hadd – Jum il-Mulej.

Ic-celebrazzjoni ta’ l-Ewwel Jum tat-Tridu Ewkaristiku nfethet bit-talba tar-Ruzarju, il-Kant tal-Ghasar li tmexxa minn Mons. Ewkaristiku Sultana u l-Barka Sagramentali. Fis-7.00pm bdiet Koncelebrazzjoni Solenni li kienet ippreseduta mill-W.R. Mons. Giovanni Bosco Gauci, Vigarju Generali tad-Djocesi taghna, bis-sehem tas-sacerdoti Xaghrin u l-familjari taghhom biex flimkien jirringrazzjaw lil Alla ghad-don tas-Sacerdozju Ministerjali u biex ifakkru t-twaqqif tas-sagrament ta’ l-Ewkaristija. Wara numru sabih ta’ provi li saru ghall-membri kollha tal-Kor, konna tassew preparati biex naghtu servizz dinjituz u li jixraq f’din l-okkazjoni unika u specjali. Fl-introjtu tal-Quddiesa, il-Kor esegwixxa l-Innu “L-Ispirtu tal-Mulej qed jistrieh fuqi”, muzika tas-surmast Marco Frisina – dan huwa innu ispirat mill-kliem tal-Profeta Isaija u applikat l-ewwelnett ghal Kristu, is-Sommu Sacerdot, u imbaghad ghall-ministri ikkonsagrati fid-diversi gradi li ghandha l-Knisja, jigifieri l-Episkopat (Isqfijiet), il-Presbiterat (sacerdoti) u d-Djakonat (djakni). Innijiet ohrajn li gew esegwiti kienu “Harsitna ‘l Fuq” (offertorju), “Tnezzajt mill-gmiel” (tqarbin – innu li japplika tant tajjeb ghal Kristu Sultan), u “Jesus Christ you are my life” (gheluq). Giet esegwita wkoll il-Missa Cantate Domino ta’ Giuseppe Oltrasi – liema Quddiesa nizlet tant tajjeb mal-kongregazzjoni numeruza migbura ghall-Ewkaristija.

Wara li ntemmet il-Quddiesa, il-Kor Nativitas kien mistieden ghal bibita fil-Kunvent tas-Sorijiet Frangiskani anness ma’ l-istess Knisja. Nirringrazzjaw lil din il-komunita’ religjuza u lill-komunita’ kollha li toqghod fl-inhawi tan-Nazzarenu ta’ l-akkoljenza taghhom! Ritratti ta’ din l-attivita’ jittellghu fil-jiem li gejjin.

No comments:

Post a Comment