Monday, 4 February 2013

Servizzi tal-Kor Nativitas matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2013

Matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar, il-Kor Nativitas kellu bosta servizzi liturġiċi. Dan hu l-iskop prinċipali tal-Kor: li nagħtu tifħir lil Alla permezz tal-Kant.

Nhar is-Sibt 19 ta’ Jannar, il-Kor anima l-Quddiesa Solenni ta’ lejliet il-Festa ta’ Sant’Anton Abbati ċċelebrata fil-Knisja ddedikata lilu fix-Xagħra. Il-Quddiesa bdiet fis-6pm u kienet ippreseduta mill-W.R. Mons. Giovanni Bosco Gauci, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi tagħna. Il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi u l-Missa De Angelis bis-sehem tal-poplu. Fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni, tkanta l-‘Innu lil Sant’Anton’, kompozizzjoni tas-Surmast Xagħri, Nazzareno Refalo.

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-W.R. Kan. Dun Mikiel Borg, Rettur tal-Knisja ta’ San Pawl f’Marsalforn sabiex janima l-Konċelebrazzjoni Solenni f’jum il-festa liturġika tal-Konverzjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Din il-Konċelebrazzjoni tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech bis-sehem tas-saċerdoti li jagħtu servizz pastorali fil-kommunita’ ta’ Marsalforn. Il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi fosthom l-‘Innu taċ-Ċentinarju Pawlin’, muzika tas-Surmast Joseph Abela Scolaro.

Fi spazju ta’ ftit il-jiem, il-Kor reġa’ ġie mistieden sabiex janima l-Quddiesa tal-11am f’jum il-festa titulari ta’ San Pawl iċċelebrata fil-Knisja ta’ Marsalforn nhar il-Ħadd 3 ta’ Frar. Għal din l-okkazjoni, il-Kor kien akkumpanjat minn orkestrina ta’ ħdax-il element, kollha studenti u zgħazagħ Għawdxin, li animaw il-Quddiesa li kienet immexxija mill-W.R. Mons. Salv Grima. Il-Kor u l-orkestrina kienu taħt id-direzzjoni tas-Sur Ivan Attard.

Is-servizz li jmiss huwa nhar is-Sibt 9 ta’ Frar 2013, Lejliet is-Solennita’ tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, fil-Knisja ta’ Marsalforn. Il-Quddiesa tibda fis-6pm.
 
 

Friday, 21 December 2012

Impenji tal-Kor Nativitas ghal Zmien il-Milied 2012

Il-Kor Nativitas ser ikun impenjat b'diversi impenji korali f'numru ta' ċelebrazzjonijiet liturġiċi relatati ma' Żmien il-Festi tal-Milied 2012. Dawn l-impenji huma kif ġej:

It-Tlieta 25 ta' Diċembru: Solennita' tat-Twelid ta' Sidna Ġesu' Kristu (Il-Milied).

9.15am: Servizz ta' kant ta' għanjiet tradizzjonali tal-Milied (carol singing) fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.
9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni fl-istess Knisja.

L-Erbgħa 26 ta' Diċembru: Mis-7.30pm 'il quddiem: Attivita' soċjali għall-membri tal-Kor.

Il-Ħadd 30 ta' Diċembru: Festa tal-Familja Mqaddsa ta' Ġesu', Marija u Ġużeppi (is-Sagra Familja).
9.30am: Il-Kor Nativitas janima Quddiesa Kantata fil-Knisja ta' San Franġisk.

It-Tnejn 31 ta' Diċembru: L-Aħħar Jum tas-Sena Ċivili.
6.30pm: Il-Kor Nativitas janima l-Quddiesa Konċelebrata ta' ringrazzjament lil Alla fi tmiem is-Sena Ċivili. Din il-Quddiesa Solenni tagħlaq bil-Kant tat-Te Deum

It-Tlieta 1 ta' Jannar: Solennita' ta' Marija, Omm Alla.
9.15am: Servizz ta' kant ta' għanjiet tradizzjonali tal-Milied (carol singing) fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.
9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni fl-istess Knisja.

Il-Ħadd 6 ta' Jannar: Solennita' tal-Epifanija tal-Mulej.
9.15am: Servizz ta' kant ta' għanjiet tradizzjonali tal-Milied (carol singing) fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria.
9.30am: Konċelebrazzjoni Solenni fl-istess Knisja li matulha jitħabbru l-festi prinċipali tal-Knisja għas-sena 2013. 

Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw lil kulħadd Milied Hieni u 
Sena Ġdida mimlija b'kull riżq u hena!!



Monday, 9 July 2012

Il-Kor Nativitas irodd ħajr lil Alla flimkien ma’ erba’ saċerdoti Għawdxin


Nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2012, il-Kor Nativitas kien mistieden sabiex janima Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla fl-okkażjoni tal-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ Dun Gerard Buhagiar, ir-Rettur preżenti tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Dun Alex Refalo, Dun Anton Attard u Dun Mikiel Xuereb. L-Ordinazzjoni ta’ dawn is-saċerdoti kienet saret fil-Knisja Katidrali ta’ Marija Assunta fl-1987 minn idejn l-E.T. Mons. Isqof Nikol Ġ. Cauchi.

Il-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr lil Alla ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tad-disa’ Erbgħa bi tħejjija għall-Għid tal-Assunta u bdiet fil-5.30pm. Il-Kor Nativitas esegwixxa diversi innijiet liturġiċi relatati ma’ din l-okkażjoni. Il-Quddiesa ġiet imxandra wkoll fuq Radju Marija għall-benefiċċju tal-morda u l-anzjani li ma setgħux joħorġu minn djarhom.

Sadanittant, matul ix-xahar ta’ Lulju, il-Kor qed jiltaqa’ regolarment sabiex iħejji ruħu għall-Programm Vokali u Strumentali mtella’ mis-Soċjeta’ Filarmonika Victory fil-jiem tal-festa titulari ta’ Marija Bambina. Aktar dettalji jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin. Nieħdu din l-okkażjoni biex nawguraw lil kulħadd Sajf ta’ mistrieħ!

Monday, 25 June 2012

Il-Kor Nativitas jipparteċipa fil-Festa tal-Madonna ta’ Pinu

Nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012, fid-Djoċesi ta’ Għawdex, ġiet iċċelebrata l-Festa tal-129 Anniversarju mis-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu lil Carmela Grima.
 
Din it-tifkira li tiġi ċċelebrata kull sena tfakkarna fis-sejħa ‘Ejja... Ejja’ li l-Verġni Marija għamlet lil din ix-xbejba twajba mir-raħal tal-Għarb li kienet iżżur b’mod regolari l-kappella ċkejkna li kien hemm fl-imwarrab f’dawn l-inħawi. Din il-kappella illum ġiet trasformata f’Santwarju Marjan li huwa ċentru nazzjonali ta’ devozzjoni u kult lejn il-Verġni Marija.
 
Il-Pontifikal Solenni tat-8pm tmexxa mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof Emeritus ta’ Malta, bis-sehem ta’ numru sabiħ ta’ saċerdoti Għawdxin. Mons. Mercieca kien qed irodd ħajr lil Alla u lill-Verġni Marija f’għeluq is-sittin anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mir-Rettur tas-Santwarju, il-W.R. Dun Gerard Buhagiar, sabiex janima din iċ-ċelebrazzjoni. Il-Kor kanta l-Quddiesa Gregorjana ‘Missa De Angelis’ alternata mal-kongregazzjoni flimkien ma’ diversi innijiet liturġiċi oħra.
 
Is-servizz li jmiss ser ikun nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fejn fil-5.30pm ser tiġi ċċelebrata Quddiesa taRadd il-Ħajr lil Alla mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar fl-okkażjoni ta’ għeluq il-Ġublew il-Fidda mill-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Inħeġġukom tattendu!
 

Thursday, 14 June 2012

Il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova


Għal sena oħra, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-Komunita’ tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Victoria sabiex janima l-Quddiesa Solenni f’jum il-festa ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li ġiet iċċelebrata nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2012. Il-Quddiesa tal-5pm tmexxiet mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech u kienet tinkludi l-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi lil Sant’Antnin, il-Qaddis tal-Mirakli.

Il-Kor esegwixxa diversi innijiet liturġiċi fosthom ‘L-Għanja tal-Ħolqien’ (Introjtu), ‘Imbierek Int Mulejja’ (Offertorju), ‘Ġbartna flimkien Mulej’ (Tqarbin) u l-Innu popolari lil Sant’Antnin ta’ Padova (Għeluq) flimkien mal-‘Missa Pastorale’ ta’ Mro. Nazzareno Refalo. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bit-tqassim tal-ħobż tradizzjonali ta’ Sant’Antnin.

Is-servizz li jmiss huwa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2012 fit-8.00pm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu fl-okkażjoni tal-festa tas-Sejħa tal-Madonna lil Carmela Grima. Il-Pontifikal Solenni ser jitmexxa mill-Arċisqof Emeritus Mons. Ġuzeppi Mercieca fl-okkazjoni tas-60 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.

Il-Kor Nativitas janima s-Solennitajiet liturġiċi tal-Mulej


Il-Kor Nativitas kompla għaddej bl-impenji tiegħu permezz ta’ diversi servizzi li huwa kellu fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Victoria. Il-Kor anima l-Quddiesa kantata tad-9.30am fis-Solennitajiet liturġiċi ta’ Żmien il-Għid u dawk ta’ wara. Dawn huma Lapsi, Għid il-Ħamsin, it-Trinita’ Qaddisa u l-Korpus.

Għal din l-okkażjoni, il-Kor kanta diversi innijiet liturġiċi li jixirqu għal kull okkażjoni. Il-Kor kien akkumpanjat fuq l-orgni mill-organista Ivan Attard.

Thursday, 17 May 2012

Il-Kor Nativitas b'servizz fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu

Nhar l-Erbgħa 16 ta' Mejju 2012, il-Kor Nativitas ġie mistieden mill-W.R. Dun Gerard Buhagiar, Rettur tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu, sabiex janima l-Quddiesa Solenni tat-8pm fl-okkazjoni tat-tielet Erbgħa bi tħejjija spiritwali għas-Solennita' tal-Assunzjoni tal-Verġni Marija. 

Din il-Quddiesa kienet waħda speċjali tant li ġiet ippreseduta mill-E.T. Mons. Isqof Mario Grech flimkien ma' diversi saċerdoti Għawdxin. Fuq stedina tal-Kurja Djoċesana, kien hemm ukoll prezenti numru ta' fratellanzi tal-Madonna minn xi parroċċi Għawdxin. Wara li ntemmet il-Quddiesa, Mons. Isqof mexxa t-talba tar-Ruzarju u inawgura l-Konsultorju tal-Familja - ċentru qrib is-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu li ser jibda jintuza biex minnu jingħataw pariri legali, amministrattivi, mediċi, psikoloġiċi u finanzjarji lil dawk il-familji li jkunu f'diffikulta'. 

Fl-omelija tiegħu għal din l-okkazjoni, Mons. Isqof qal li dan il-Konsultorju huwa investiment li qed tagħmel id-Djoċesi ta' Għawdex b'rizq il-familja u huwa zieda mas-servizzi li toffri d-Djoċesi permezz tal-Kummissjoni Familja u strutturi oħra fi ħdanha biex il-familja, li hija l-benniena tas-soċjeta' Maltija, tkompli tissaħħaħ. 

 


Monday, 14 May 2012

Il-Kor Nativitas f’Sant’Anton għall-Kwaranturi Mqaddsa

Fuq stedina tal-W.R. Kan. Dun Ġwann Sultana, Rettur tal-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati fix-Xagħra, il-Kor Nativitas anima bil-Kant il-Quddiesa Solenni tat-Tieni Jum tal-Kwaranturi Solenni fl-istess Knisja. Din il-Quddiesa ġiet iċċelebrata nhar is-Sibt 12 ta’ Mejju 2012 fis-7pm.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija kienet immexxija minn Patri Ugolin Xerri OFM Konv., assistit mir-Rettur il-Kan Dun Ġwann Sultana u l-Kan. Dun Ġwann Bartolo. L-innijiet li ġew esegwiti kienu dawn: ‘Misteru Kbir tal-Fidi’ (Introjtu), ‘Irrid nieħu sehem’ (Offertorju) u ‘Kull Ħin Imbierek Ismu’ (Tqarbin) flimkien mal-‘Missa Pastorale’ ta’ Mro. Nazzareno Refalo. Fi tmiem il-Quddiesa, tkanta l-Innu Ewkaristiku ‘Nirien ta’ Mħabba’ waqt li saret l-Espożizzjoni ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija u ngħatat il-Barka Sagramentali.

Wara l-Quddiesa, il-membri tal-Kor ġew mistiedna għal trattament tal-okkażjoni fis-sagristija tal-istess Knisja.

Wednesday, 9 May 2012

Il-Kor Nativitas janima l-funeral ta’ Ewkaristiku Sultana (1940 - 2012)

Fuq xewqa tal-familjari tiegħu, il-Kor Nativitas ġie mistieden sabiex janima l-Quddiesa tal-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku Sultana li għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-eta’ ta’ 71 sena. Mart Ewkaristiku, Ġuża, hija waħda mill-koristi regolari tal-Kor tagħna.

Il-funeral ta’ ħuna Ewkaristiku sar nhar it-Tlieta 8 ta’ Mejju. Il-Quddiesa, li bdiet fil-5pm, kienet immexxija mill-W.R. Kan. Dun Ġużepp Cini bis-sehem ta’ diversi saċerdoti mill-Parroċċa tax-Xagħra u anke minn barra r-raħal. Waqt il-Quddiesa, il-Kor esegwixxa diversi innijiet reliġjużi adattati għal din l-okkażjoni. Flimkien mal-Kor Nativitas ħadet sehem ukoll is-Sopran Rita Dimech li interpretat l-innijiet Pie Jesu’ fl-Offertorju, Ave Verum Corpus fit-Tqarbin u Ħa Nersqu LejH waqt il-bews tal-Kurċifiss fuq it-tebut.

Il-Quddiesa kienet segwita mill-aħħar korteo lejn iċ-ċimiterju parrokkjali tax-Xagħra fejn saret id-difna fil-qabar tal-familja.

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu,
jistrieħ fil-paċi. Amen!

Monday, 7 May 2012

Servizzi tal-Kor fil-granet li gejjin

Dawn huma s-servizzi li ghandu l-Kor Nativitas ghall-granet u l-gimghat li gejjin:

It-Tlieta 8 ta' Mejju: 
5.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tal-Funeral ta' Eucharist Sultana fil-Knisja Bazilika ta' Marija Bambina (Xaghra). 

Is-Sibt 12 ta' Mejju:
7.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tat-Tieni Jum tal-Kwaranturi Solenni fil-Knisja ta' Sant'Anton Abbati, Xaghra.

Il-Hadd 20 ta' Mejju: Solennita' ta' Lapsi.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni ta' Jum Lapsi fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Il-Hadd 27 ta' Mejju: Solennita' ta' Ghid il-Hamsin.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni ta' Jum Ghid il-Hamsin fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Il-Hadd 3 ta' Gunju: Solennita' tat-Trinita' Qaddisa.
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni tat-Trinita' Qaddisa fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria. 

Il-Hadd 10 ta' Gunju: Solennita' tal-Gisem u d-Demm tal-Mulej (Il-Korpus). 
9.30am: Il-Kor janima l-Koncelebrazzjoni Solenni tal-Korpus fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

L-Erbgha 13 ta' Gunju: Festa ta' Sant'Antnin ta' Padova.
5.00pm: Il-Kor janima l-Quddiesa tal-festa ta' Sant'Antnin fil-Knisja ta' San Frangisk t'Assisi, Victoria.

Dan is-sit elettroniku jzommkom aggornati bl-andament ta' dawn is-servizzi kollha. Grazzi.