Sunday, 27 December 2009

Il-Kor Nativitas isellem lill-bandist Carmelo Vella

Nhar is-Sibt 26 ta' Dicembru 2009 kien jum ta' luttu ghas-Socjeta' Filarmonika Victory u l-ferghat kollha taghha, fosthom il-Kor Nativitas. Dakinhar, inghatat l-ahhar tislima misthoqqa lill-bandist Carmelo Vella li mar jiltaqa' mal-Hallieq Divin fl-eternita' nhar l-Erbgha 23 ta' Dicembru fl-ghomor ta' 71 sena.

Carmelo Vella, jew kif konna nsibuh 'Karmnu l-Bogi', hareg idoqq ghall-ewwel darba mal-Banda Victory fil-Festi tal-Gimgha Mqaddsa tas-sena 1968 u minn dakinhar 'l hawn, huwa baqa' dejjem bandist leali li jattendi b'mod assidwu u regolari ghall-Kuncerti ta' thejjija u ghas-servizzi kollha li ghamlet il-Banda taghna tul dawn il-41 sena. Huwa kien idoqq saxophone tenor. Karmnu kien ukoll involut f'diversi hidmiet b'rizq l-istess Socjeta' u konna narawh jokkupa diversi karigi fi hdan il-Kumitat Centrali tal-Banda Victory, fosthom il-kariga ta' Assistent Direttur tal-Kazin u Delegat ghall-Bandisti. Huwa kien jifforma parti mill-Kumitat u kien wiehed minn dawk li, fis-sena 1999, qabel li jitwaqqaf Kor fi hdan l-istess Socjeta' bil-ghan li jakkumpanja l-Banda taghna fid-diversi attivitajiet li jkollha matul is-sena u li anke imbaghad jizviluppa bhala Kor li jesegwixxi servizzi religjuzi f'diversi knejjes Ghawdxin - il-Kor Nativitas. Karmnu kien ukoll jghin b'mod volontarju fl-attivitajiet tal-fund raising li torganizza s-Socjeta' darba fix-xahar, fil-gbir tal-mizata annwali tal-membri tas-Socjeta', u fil-gabra annwali li ssir ghall-baned li jiehdu sehem fil-festa titulari ta' Marija Bambina. Kien ghalhekk jixraq li l-Banda Victory taghtih it-tislima misthoqqa ta' iben denn li ghamel unur lir-rahal taghna.

Kif inhu stipulat fl-Istatut ta' l-istess Socjeta' Filarmonika Victory, minn nhar il-Hamis 24 sal-bierah is-Sibt 26 ta' Dicembru, il-Kazin tas-Socjeta' tajjar il-bandiera mezzasta b'sinjal ta' rispett lejn il-memorja ta' huna Karmnu. Iddendlu wkoll ic-cfuf suwed tal-bieb ta' barra u nharget stqarrija li fiha gew imhabbra d-dettalji tal-funeral ta' dan il-bandist u membru tal-Kumitat. Il-Kumitat Centrali kien haseb li jikkancella s-servizz li l-Banda kellha taghti waqt il-purcissjoni ta' Gesu' Bambin f'Jum il-Milied, izda fuq ix-xewqa tal-familjari tal-mejjet, dan is-servizz sar xorta kif kien pjanat.

Intant, nhar is-Sibt 26 ta' Dicembru, Jum il-Funeral, fit-3.00pm telaq il-korteo funebri mill-Isptar Generali ta' Ghawdex ghal tarf Vjal it-8 ta' Settembru li hija t-triq principali tal-lokalita' tax-Xaghra. Il-hearse li kienet qieghda ggorr it-tebut bil-fdalijiet ta' Carmelo Vella ntlaqghet bid-daqq tal-marc funebri 'B'Tislima lil Habibi Karmnu l-Bogi 1938-2009' miktub ghall-okkazjoni mis-Surmast Direttur Mro. Joseph Galea LCM. Il-korteo mexa matul din it-triq bl-akkumpanjament tal-marci funebri mill-Banda Victory. Din kienet l-ewwel okkazjoni matul din is-sena li dan is-sett ta' marci ndaqq barra minn zmienu. Il-korteo wasal fil-Knisja Bazilika ta' Marija Bambina ghall-habta tal-3.50pm u dak il-hin bdiet Velja ta' talb b'suffragju ta' Karmnu li kienet tinkludi l-Qari tal-Kelma ta' Alla, il-Kant tal-Kantiku ta' Zakkarija u meditazzjonijiet dwar is-sinifikat tal-mewt ghan-nisrani. Waqt din il-velja, gie ukoll amministrat is-Sagrament tar-Rikonciljazzjoni. Fl-4.00pm bdiet il-Koncelebrazzjoni praesente cadavere li kienet immexxija mill-W.R. Mons. Arcipriet Carmelo Refalo bis-sehem ta' madwar 20 sacerdot li ikkoncelebraw mieghu f'din l-Ewkaristija. Hdejn it-tebut ta' Karmnu tpogga l-istendard tas-Socjeta' bi crepe iswed b'sinjal ta' luttu flimkien ma' l-istrument muzikali, il-beritta u l-uniformi tas-Socjeta' li huwa tant kien jghozz. Il-Kant kien afdat f'idejn il-Kor Nativitas li kien taht id-direzzjoni ta' Silvana Agius u bl-akkumpanjament muzikali ta' l-organista Ivan Attard. Gew kantati l-innijiet 'Radd il-Hajr lilek Naghtu Mulej', 'Hallejt O Alla s-Sema', 'Tul il-Mixja ta' dil-Hajja' u 'Hu l-Mulej'. Giet esegwita l-Missa Pro Defunctis (Gregorian Chant). Il-kongregazzjoni kienet immexxija mill-Kumitat Centrali tal-Banda Victory - is-Sur Eucharist Sultana (President), is-Sur Joseph Bajada (Segretarju), is-Sur Noel Grima (kaxxier), is-Sur Ezechiel Grima (Direttur tal-Kazin) u s-Surmast Direttur Mro. Joseph Galea LCM.

Immedjatament wara li ntemmet il-Quddiesa Solenni, ghall-habta tal-5.15pm, it-tebut inhareg mill-Bazilika ta' Marija Bambina u tpogga fil-hearse. Delegazzjoni mill-Kumitat tal-Banda Victory akkumpanjat il-fdalijiet ta' Karmnu Vella 'il-Bogi' sac-Cimiterju Parrokkjali tax-Xaghra fejn inghad l-ahhar talb, tbierek ghall-ahhar darba l-gisem mejjet ta' dan huna u saret id-difna.

GHAZIZ KARMNU, NIRRINGRAZZJAWK TA' DAK KOLLU LI GHAMILT GHAS-SOCJETA' TUL DAWN IS-SNIN TA' HIDMA TIEGHEK FIL-KAZIN U LIL HIN MINNU. INWEGHDUK LI QATT MA NINSEWK FIT-TALB TAGHNA.


AGHTIH O MULEJ IL-MISTRIEH TA' DEJJEM

ID-DAWL TA' DEJJEM JIDDI LILU

JISTRIEH FIL-PACI. AMEN!

No comments:

Post a Comment